Jekk kien hemm xi ħadd li ħares l-interessi tal-bdiewa ta’ Bulebel kien il-Gvern preżenti li wara li kkonsulta u sema’ ħa d-deċiżjoni li ma jagħmilx żvilupp f’Wied iż-Żrinġ. Biex b’din id-deċiżjoni l-gvern preżenti se jkun irranġa d-deċiżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u ta’ Jason Azzopardi, li fiż-żmien meta l-pajjiż ma kienx hawn domanda għall-fabbriki għażel li jalloka din il-medda ta’ art biex tintuża għal żvilupp ta’ fabbriki.
Joħroġ kemm joħroġ stqarrijiet il-Partit Nazzjonalista xejn ma jista’ jħassar il-fatt li kien Azzopardi li preżenta l-avviż legali li seta’ kien l-ikbar kundanna għal din l-art.
Huwa biss issa li l-bdiewa se jkollhom moħħ mistrieħ. Dan riżultat tal-fatt li dik id-deċiżjoni treġgħet lura. Minflok, fil-post se jsiru proġetti li jkomplu jħarsu l-ambjent naturali. Dan hu każ ieħor fejn il-Partit Nazzjonalista, b’mod partikolari l-kelliem tiegħu għall-ambjent, m’għandhom ebda kredibbiltà biex jitkellmu.