Il-Gvern Russu ċaħad l-akkużi li l-President Russu Vladimir Putin ordna li jiġi vvalenat Alexei Navalny. Navalny huwa magħruf għall-kritika voċifera tiegħu lejn Putin.
Il-Kelliem għall-Gvern Russu, Dmitry Peskov qal li dawn l-allegazzjonijiet huma gidba filwaqt li ma jistgħux jittieħdu bis-serjetà.
Peskov poġġa dubju dwar kif it-tobba fil-Ġermanja – li bħalissa qed jikkuraw lil Navalny – għaġġlu fil-konklużjoni tagħhom meta qalu li Navalny probabbilment ġie vvalenat.
It-tobba f’Berlin qalu li l-kundizzjoni ta’ Navalny hija waħda serja iżda s’issa mhuwiex fil-periklu li jitlef ħajtu.
Intant, l-ispeaker tal-Kamra Russa, Vyacheslav Volodin appunta kumitat sabiex jinvestiga jekk kienx hemm indħil minn forzi barra mir-Russja f’dan il-każ.