Waqt seduta Parlamentari t-Tnejn filgħaxija, il-Gvern ressaq u ddibatta l-mozzjoni, li turi solidarjetà u appoġġ mal-Ispeaker Dr Anġlu Farrugia wara li, fl-aħħar jiem, spiċċa fil-mira tal-attakki insensati mill-Oppożizzjoni, partikolarment mill-Kap de facto Karol Aquilina.
Kif espress fil-pubbliku f’numru ta’ seduti li spiċċaw imħarbtin mill-Oppożizzjoni, id-Deputat tal-fergħa estremista saħansitra għajjar lill-President tal-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż bħala oxxen u li bla moħħ, waqt li, bl-arroganza kollha, ukoll sfidah li jekk ried ikeċċih kellu jagħmel dan bil-Pulizija.
Kif żvela aktar kmieni fil-ġurnata ONE News, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għamel bojkott fuq is-seduta u telaq ’il barra bi protesta qabel biss bdiet id-diskussjoni fuq tali mozzjoni.
Fosthom anke d-Deputat Speaker David Agius, li kien se jmexxi s-seduta u allura wkoll naqas mid-dmirijiet tiegħu f’din il-kariga.
L-azzjoni tal-Oppożizzjoni li ma tiħux sehem kienet ilha ppjanata biex ma joħroġx fid-deher id-diżgwid intern b’deputati li ma ridux juru l-appoġġ tagħhom lil Karol Aquilina u lanqas riedu jidhru li qed joħorġu kontrih fil-beraħ.
B’hekk, l-ebda deputat tal-Oppożizzjoni la kien se jfuħ u lanqas jinten mal-fergħa estremista, li llum tmexxi l-Partit Nazzjonalista.
Sadanittant, waqt id-dibattitu, intervjena l-Prim Ministru Robert Abela li, waqt li beda b’ringrazzjament lejn Dr Farrugia għad-dover, id-dedikazzjoni u l-imħabba tiegħu għal pajjiżu kemm ilu fil-kariga, tkellem dwar il-fatt li jiġu mumenti fejn mhux kulħadd jaqbel ma’ xi ruling li jingħata, però b’rispett lejn is-Sedja, kulħadd għandu jbaxxi rasu.
Imma, sfortunatament, dan mhux kulħadd jifhmu, tenna Dr Abela.
Hawn tenna li, fl-aħħar ġimgħat, il-Kamra tar-Rappreżentanti rat atteġġjament xejn dinjituż min-naħa tal-Oppożizzjoni, li ddeskriviha bħala attitudni ta’ kattiverja. Aċċenna li l-ebda persuna, hi min hi, ma jixirqilha tkun indirizzata b’dan il-mod, aħseb u ara jekk din il-persuna tkun fit-tmun tal-ogħla istituzzjoni f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru nnota li, f’iżjed minn sebgħin ruling li tat is-sedja fl-aħħar żmien, l-Oppożizzjoni qatt m’appellat imqar għal wieħed minnhom.
“Is-sedja tat 76 ruling f’din il-leġislatura, ma kkontestawx wieħed li hu wieħed, ħlief bit-tgħajjir, bl-insulti, bil-botti … imbagħad rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat li l-livell ta’ insulti eċċeda kull limitu ta’ dak li hu tollerabbli, li inti Membru Parlamentari li llum lanqas ngħid li jixraqilhom Onorevoli min esprima dak il-kliem, li s-sedja jgħidilha li hi oxxena jew jgħidila li messha tiġi tkompli ma’ din in-naħa tal-Kamra. Jew l-agħar frażi li smajt, li lanqas ngħidlu Onorevoli, minn Dr Karol Aquilina, kienet li jakkuża lis-Sedja bil-kliem niddubita kemm taf taħseb. Dan hu kliem, Sur President, li f’din il-Kamra m’għandu l-ebda post.”
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru semma kif numru ta’ persuni miż-żewġ naħat tal-Kamra spiċċaw vittmi tal-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista, għax dejjem jaraw kif se jkissru lil min ma jaqbilx magħhom.
Eżempju ta’ dan, semma wkoll l-agħar attakk li seta’ jagħmel il-Partit Nazzjonalista fuq il-ġudikatura ta’ pajjiżna fl-aħħar jiem.
Dr Abela sostna li hemm numru ta’ deputati mill-Oppożizzjoni li esprimew id-diżgust tagħhom lejn dawn l-attakki avolja bħalissa jinsabu f’kantuniera ma jafux x’se jagħmlu. Tenna li ċ-ċensura qed jagħmilha Karol Aquilina fuq id-deputati l-oħrajn u jkollhom jagħmlu dak li jgħidilhom hu.
Il-Prim Ministru għadda messaġġ b’saħħtu lill-poplu li l-atteġġjament tal-Oppożizzjoni mhuwiex dak li jixraq lill-Għadwxin u l-Maltin ta’ rieda tajba li jaħdmu b’mod ġenwin għal pajjiżna.
Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-Gvern ma jemminx fl-attakki, imma fl-investiment fin-nies.
“Aħna nemmnu fl-imbottar ’il quddiem tal-ġid soċjali f’dan il-pajjiż, b’investimenti li qegħdin nagħmlu fis-soċjal, fis-saħħa, fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, fil-qasam tal-edukazzjoni, f’li nżommu l-kontijiet tad-dawl baxxi ħalli ma jitilawx il-prezzijiet tagħhom, li nkunu nsaħħu l-kontijiet, li nkomplu nsaħħu c-Childrens Allowance u fuq kollox nkomplu ntejjbu l-kwalita tal-ħajja tal-Poplu tagħna illi dik żgur ma tiġix billi nipparteċipaw f’xi attakki personali u għalhekk naqgħlaq billi nesprimi solidarjeta sħiħa mal-ispeaker Anġlu Farrugia u nawguralu li jibqa għaddej il-quddiem fil-ħidma tajba tiegħu”
Sadanittant, wara li l-Oppożizzjoni telqet ’il barra mill-Parlament, Bernard Grech indirizza lill-midja fuq barra.
Dan wara li kien diġà sejjaħ lill-ġurnalisti f’komunikat uffiċjali fl-4:35 qabel biss lissen fil-Parlament dwar dak li kien biħsiebu jagħmel ftit wara, indikazzjoni li kollox kien ippjanat, kif żvela ONE News it-Tnejn filgħodu.