“F’sena il-gvern kellu l-opportunitá biex jaħdem u jwettaq il-miżuri tal-manifest elettorali, Malta Flimkien, sabiex l-elf proposta jinqalbu f’elf kisba.”
Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela, waqt intervista fuq ONE Radio s-Sibt filgħodu, hekk kif ta ħarsa lejn il-ħidma tal-gvern fl-aħħar sena, fejn spjega kif saru l-aqwa deċiżjonijiet ta’ sapport li ngħataw lill-familji u n-negozji fil-kontijiet tad-dawl, deċiżjonijiet biex inżammu stabbli l-prezzijiet tal-fjuwil fejn permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, l-ekonomija ta’ pajjiżna setgħet baqgħet tikber.
Il-Prim Ministru beda billi fakkar kif il-mandat li ngħata Gvern Laburista, ngħata waqt żmien straordinarju, hekk kif pajjiżna kien qiegħed jibda’ jħoss l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Minkejja dan, il-Prim Ministru nnota li permezz tad-deċiżjonijiet bil-għaqal li ttieħdu mill-gvern, pajjiżna xorta waħda qed jesperjenza ċ-ċertezza u l-istabbilitá, kif jixhdu anke rapporti internazzjonali dwar pajjiżna.
Tul l-intervista, Dr Abela semma wħud mill-miżuri li implimenta l-gvern, fosthom dawk marbuta mal-akkomodazzjoni, fejn il-Gvern ipprovda għajnuniet b’saħħithom lil żgħażagħ li jridu jixtru l-ewwel proprjetá tagħhom. Dan fost oħrajn bl-iskema li tagħti elf ewro kull sena għal għaxar snin, lill-first time buyers.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-konsultazzjoni pubblika li se twassal biex għall-ewwel darba, se tkun introdotta liċenzja mandatorja għall-kuntratturi li jwaqqgħu, jiskavaw u jibnu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “Din hija riforma li nemmen li hija waħda robusta u robusta sew, u se tagħmel tista’ tgħid, rivoluzzjoni f’dan il-qasam li jibqa’ wieħed importanti anke għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Imma trid tagħmlu b’bilanċ. Ma jistax ikollok dan is-settur li jaħdem b’mod mhux sostenibbli, u huwa u jibqa’ sostenibbli jekk ikollna sett ta’ regolamenti li jibqa’ wieħed robust, li jaraw li n-nies kollha li jkunu impattati mill-kostruzzjoni jkollhom id-drittijiet tagħhom ikunu protetti, min qiegħed jaħdem jaf li għandu qafas ta’ regolamenti, anke għandek il-kundizzjonijiet li joħorġu mil-liċenzja li jrid jirrispetta. Naturalment, b’dan kollu nemmen li nistgħu noħolqu siti ta’ kostruzzjoni sikuri, kemm għal min qed jgħix fil-viċin, kemm għall-ħaddiema nfushom, u dawk il-persuni kollha li jistgħu jiġu impattati b’dan il-proċess ta’ kostruzzjoni.”
Il-Prim Ministru stqarr li din hija biss waħda minn katina ta’ riformi li wettaq Gvern Laburista. Semma wkoll ir-riforma tal-Gvern li permezz tagħha ggarantixxa s-serħan il-moħħ lill-bdiewa biex jibqgħu jaħdmu r-raba’ tagħhom.
Apparti minn hekk, il-Prim Ministru semma l-investiment kontinwu f’diversi setturi, fosthom fl-isport, fejn fakkar fil-bini ta’ faċilitajiet sportivi ġodda fin-Naxxar, permezz ta’ investiment ta’ tnax-il miljun ewro.
Il-Prim Ministru tenna li dan kollu sar f’qasir żmien, iżda fadal erba’ snin ta’ ħidma bla waqfien, sabiex il-gvern jimplimenta l-manifest elettorali.
Hawn il-Prim Ministru spjega li, “Hemm ħafna xogħol x’jitwettaq jiġifieri naturalment għandek elf proposta li jridu jitwettqu fuq medda ta’ ħames snin. Din hija l-ewwel sena minn ħames snin ta’ leġiżlatura, imma sodisfatt ngħid li kienet sena ta’ xogħol tajba, għandna erba’ snin ta’ xogħol tajba quddiemna biex dejjem nibqgħu immexxu lil dan il-pajjiż, lil Malta u Għawdex li tant għandna għal qalbna ‘il quddiem, fl-interess nazzjonali, fl-interess tal-poplu Għawdxi u Malti kollu.”