Il-Prim Ministru sostna li d-dibattitu fil-Parlament għandu jkun matur u ma jinżilx fil-politika partiġġjana. Huwa nnota li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tbeżża’ f’dan id-dibattitu u anki tipprova tirbaħ punti politiċi minnu.
Il-Prim Ministru qal li din l-emenda għandha għan wieħed biss li ssalva l-ħajja tal-omm f’każ li jkun hemm kumplikazzjonijiet waqt it-tqala.
Dr Abela qal li l-prassi bħalissa hija li t-tobba jintervjenu fl-aħħar -mument, meta ħajjet il-mara tkun f’periklu. Qal li l-Gvern mhux se jdawwar wiċċu quddiem il-ħtieġa għal din ir-riforma, anki jekk dawn il-każijiet huma ftit.
Hawnhekk il-Prim Ministru għamel mistoqsija lil dawk li huma xettiċi dwar din l-emenda.
Huwa saħaq li, kif inhi l-liġi bħalissa, il-professjonisti li jsalvaw il-ħajjiet jistgħu jiġu akkużati bi ksir tal-liġi. Huwa għalhekk li qed tiġi proposta din l-emenda sabiex il-ħaddiema mediċi u l-ommijiet ma jkollhomx il-periklu li jmorru l-ħabs.
Il-Prim Ministru sostna li, permezz ta’ dawn l-emendi, il-Gvern qed jagħti serħan il-moħħ.
Huwa saħaq li din il-liġi hija sensibbli u tipproteġi saħħet l-omm.
Il-Prim Ministru sostna li l-midja Nazzjonalista qed tkun irresponsabbli b’rapporti mhux veritiera u li permezz tagħhom qed tipprova tbeżża’ lin-nies.
Il-Prim Ministru sostna b’mod kategoriku li jekk il-ħaddiema mediċi jew l-ommijiet jippruvaw immorru oltre mill-emendi mressqa, jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Hawnhekk il-Prim Ministru sostna dwar riformi oħra li għamel il-Gvern Laburista favur il-ħajja, fosthom dawk dwar l-ugwaljanza u dawk tal-IVF, b’din tal-aħħar tippermetti li aktar persuni qed isiru ġenituri.
Waqt din is-seduta parlamentari tkellmu wkoll id-deputati Laburisti Malcolm Paul Agius Galea, Glenn Bedingfield, u Rosianne Cutajar.