Il-GWU huwa sodisfatt li bid-deċiżjoni tal-Gvern li jestendi fis-settur pubbliku l-bidla li seħħet fis-servizz pubbliku fil-mod li bih ħaddiema b’kuntratti definiti jingħataw kuntratti indefiniti. Il-GWU kienet ewlenija fid-diskussjonijiet u tħoss li l-bidla fil-proċedura hija waħda pożittiva u fi kliemhom se tkun qed toffri aktar stabbilità u serħan il-moħħ lill-ħaddiema involuti.
Fi kliem il-GWU il-proċeduri ġodda s-servizz pubbliku u s-settur pubbliku se jkunu qed jassiguraw li l-ħaddiema li kisbu l-esperjenza meħtieġa se jibqgħu fl-istess impjieg tagħhom u b’hekk jiggarantixxu kwalità ta’ servizz aħjar għas-snin li ġejjin.
It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU stqarret li ma tistax ma tkunx favur proċeduri li jagħtu sinjal ċar li mill-ġdid il-Gvern qed juri kif għandu jkun ‘employer’ eżemplari. Tenna li filwaqt li qabel il-proċess kien wieħed skont kif tipprovdi l-liġi, xorta kien qed ipoġġi inċertezza fuq il-ħaddiema involuti, bil-konsegwenza li mal-ewwel opportunità kienu jfittxu li jiggarantixxu impjieg fis-settur privat.
Il-GWU ħeġġet lill-Gvern biex ikompli jieħu dawk il-miżuri ħalli jagħmel karriera fis-servizz u fis-settur pubbliku aktar attraenti u kompetittiva mas-settur privat biex tiġbed lejha talenti ġodda.