Bejn Jannar u Lulju, in-nefqa rikurrenti tal-Gvern żdiedet minħabba l-għajnuna li qed ikompli jagħti l-Gvern sabiex ikun ta’ spalla għall-familji waqt il-ħruġ mill-pandemija u taħt il-pressjoni tal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, turi li, fl-ewwel seba’ xhur tas-sena, l-ispiża rikorrenti kienet €3,113.1 miljun, żieda ta’ €36.5 miljun meta mqabbel mal-ewwel seba’ xhur tas-sena l-oħra.
L-akbar kontributuri għal din iż-żieda kienu l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern biex jsitimula l-ekonomija (€48.2 miljun), il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (€33.7 miljun), il-miżuri ta’ sostenn fil-qasam tal-enerġija (€30.3 miljun), il-miżuri ta’ eżenzjoni mit-taxxa (€25.9 miljun), il-fond għall-istabbilizzazzjoni tal-gass (€7.6 miljun), is-servizzi ta’ assistenza residenzjali (€7.4 miljun), is-servizzi b’xejn għal kulħadd fejn jeħdulek ħsieb it-tfal (€6.3 miljun), u l-estensjoni tan-netwerk tat-trasport skolastiku (€6.0 miljun).
Fl-istess perjodu, bejn Jannar u Lulju, żdied ukoll id-dħul rikorrenti tal-Gvern, turija tal-fatt li hawn iktar nies jaħdmu u, konsegwentement, jikkontribwixxu. Id-dħul rikorrenti f’dan il-perjodu kien ta’ €3,014.5 miljun, li jfisser 14.7 fil-mija iktar minn kemm kien fl-istess perjodu s-sena l-oħra.
L-akbar żieda fid-dħul rikorrenti ġiet irreġistrata mit-taxxa fuq il-valur miżjud (€130.4 miljun), mit-taxxa fuq id-dħul (€120.4 miljun), u mis-sigurtà soċjali (€74.2 miljun) – indikazzjoni tal-irkupru ekonomiku sostanzjali li qed jesperjenza pajjiżna hek kif ikompli joħroġ mill-kriżi internazzjonali li kkaġunat il-pandemija.
Sa tmiem ix-xahar li għadda, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irrapporta defiċit ta’ €514.9 miljun.