Il-Gvern jinvesti mal-mitt elf ewro kuljum sabiex 35,000 student li jattendu fl-iskejjel Primarji u Sekondarji, kemm tal-istat, tal-knisja u privati f’pajjiżna, ta’ kuljum jużaw is-servizz ta’ transport b’xejn lejn l-iskola u lura lejn id-dar.
Dan is-servizz bla ħlas, ipprovdut mill-gvern isir kemm filgħodu mad-dħul tal-istudenti fl-iskejjel u eżattament ma’ tmiem il-jum skolastiku. Dawn il-vjaġġi isiru prattikament f’temp ta’ siegħa u nofs kull darba.
One News tkellem ma’ Vince Cassar il-Kap tat-Taqsima Loġistika Transport tal-iskejjel fi ħdan id-Dipartiment tal-Edukazzjoni li qalilna li ssir ħidma sfieqa li tibda fl-eqqel tas-Sajf, sa minn mindu jibdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet mill-ġenituri u l-kustodji li t-tfal tagħhom jkunu se jibdew jużaw dan is-servizz fis-sena skolastika li jkun imiss.
Cassar qalilna li huwa terz tal-istudenti biss li jagħmlu użu minn dan is-servizz li l-gvern jipprovdi b’xejn sabiex il-ġenituri jkollhom inqas skariġġ.
Huwa semma li la darba jidħu l-applikazzjonijiet, isir proċess kbir, ta’ koordinazzjoni mal-iskejjel, jinħolqu r-rotot u jkunu nfurmati il-ġenituri ta’ dawk l-istudenti li jużaw dan is-servizz bla ħlas u dawk kollha li jipprovdu t-transport.
Qal, “Hemm ċertu aċċertazzjonijiet li rridu nagħmlu, għas-sigurtà tal-istudenti, għax ma ninsewx li dawn huma minuri bi kriterji bħal ma huma mhux fiċ-ċertifikat tal-POMA, li hija l-protezzjoni tal-minuri. Ix-xufiera kollha għandhom driver tag maħruġa mill-Awtorità kompetenti, Transport Malta. Il-vetturi ċċertifikat wkoll, kif ukoll l-isfida kbira hija l-bżonnijiet tal-familji Maltin li huma ħafna u diversi.”