Il-Budget tal-Gvern għax-xiri tal-mediċini tela’ minn €64 miljun fl-2012 għal €230 miljun illum il-ġurnata.
Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, meta kien qed jiġi intervistat minn Saviour Balzan fuq il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, dwar skarsezza ta’ xi mediċini fid-dawl tan-nuqqas ta’ produzzjoni madwar id-dinja minħabba l-pandemija.
Id-Deputat Prim Ministru assigura li, b’differenza għal dak li kien jiġri fl-2012 taħt Gvern Nazzjonalista, dan il-Gvern mhux jixxaħħaħ fix-xiri tal-mediċini, anzi pjuttost bil-kontra.
“Il-budget tas-Saħħa għax-xiri tal-mediċini minn €64 miljun li kien fl-2012 illum tela’ għal €230 miljun, kważi erba’ darbiet iżjed, u nista’ nagħmel garanzija li m’għandna ebda mediċina li hija skarsa ġewwa pajjiżna u li l-pazjenti qegħdin jieħdu, li aħna m’aħniex nixtruha għax m’għandniex flus. Dik ma teżistix u m’hawnx. Fi żmien gvernijiet oħra din kienet ir-raġuni.”
Waqt li kien qed iwieġeb għad-domandi, id-Deputat Prim Ministru qal li f’pajjiżna bħalissa hawn 22 mediċina li huma skarsi minħabba sfidi li mhumiex fil-kontroll tal-Gvern.
Huwa spjega r-raġunijiet wara dan.
“Kważi kollha huma li jew għax meta ħriġna t-tender ħadd ma ttenderja għalihom jew għax il-kuntratt jeżisti u l-aġent ma sabx minn fejn iġib. Nidħlu aħna minflokhom u, f’temp ta’ ftit ġimgħat, qed insibu l-alternattivi aħna. Biex inkun għidt kollox, hemm mediċina waħda li hija out of stock għax hemm kawża l-Qorti bejn it-tlieta li applikaw għat-tender u allura qed jappellawha d-deċiżjoni.”
Madankollu, id-Deputat Prim Ministru sostna li l-Gvern xorta qed jidħol sabiex jassigura li l-provvista tal-mediċini f’pajjiżna tibqa’ taqdi l-bżonnijiet tal-pazjenti.
“Aħna qed nidħlu aħna. Fejn huwa possibbli li nsibu suq alternattiv qed insibu suq alternattiv, nixtru aħna u jekk l-ispiża tiġina ogħla minn dak li qed iħallas il-kuntrattur, id-differenza jħallasha l-kuntrattur.”
Huwa rrimarka wkoll id-differenza bejn pajjiżna u pajjiżi oħrajn ġganti bħall-Italja fejn il-mediċini out of stock huma problema serja li qed tiddomina l-qasam tas-saħħa tagħhom.
“Bejn is-settur pubbliku u s-settur privat fl-Italja hemm 3,200 mediċina li hija skarsa; fl-Italja biss, 3,200 mediċina. Jekk tara l-Irlanda, din hija l-lista ta’ mediċini out of stock fis-servizz pubbliku Irlandiż: volum sħiħ, mijiet. Franza, volum, mijiet ta’ mediċini out of stock.”