Qed issir reviżjoni tal-politika tal-migrazzjoni ta’ pajjiżna biex din tkun aktar addattata għar-realtajiet u l-bżonnijiet tal-preżent u l-futur. Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, fejn iltaqa’ mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA.
Il-Prim Ministru rrimarka l-ħidma tal-Gvern quddiem direzzjoni ġdida li ħa biex jindirizza sfidi u bżonnijiet ġodda li ġew xprunati mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.
Filwaqt li rrimarka li dan is-suċċess ekonomiku jrid ikompli jiġi assigurat b’mod għaqli, Dr Abela sostna kif dan issa jrid iwassal għal prijoritajiet ġodda, fosthom kwalità ta’ ħajja aħjar, infrastruttura aktar b’saħħitha, investiment dirett barrani ta’ valur miżjud u aktar impjiegi ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li l-Gvern jibqa’ jkun ta’ spalla, waqt li jinċentiva lil min iħaddem. Hawnhekk semma, bħala eżempju, li fiż-żmien li ġej se jkun hemm tnaqqis tat-taxxa li se tolqot l-aktar lill-middle class f’pajjiżna.
Wara li, is-Sibt li għadda, fakkar kif it-tkabbir ekonomiku nazzjonali qed jippermetti tali benefiċċji, Dr Abela sostna li t-tnaqqis fit-taxxa se jkollu effett doppju, inkluż li l-introjtu jkun aktar imsaħħaħ u allura jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u li tiġi inċentivata aktar il-produttività tal-ħaddiema.
Mal-MEA, il-Prim Ministru wkoll tkellem dwar is-suq tax-xogħol lokali u l-ħidma li diġà saret biex tiġi indirizzata r-realtà ta’ ħaddiema aktar milli meħtieġ f’ċerti setturi partikolari.