Rapport tal-fond monetarju internazzjonali jinnota li pajjiżna qed jilqa’ għall-impatt ekonomiku li qed tħalli l-pandemija Coronavirus.
L-ekonomisti tal-IMF irrimarkaw b’mod pożittiv li l-Gvern qed jilqa’ għall-effetti li qed tħalli l-pandemija b’miżuri ekonomiċi u soċjali importanti.
Dan għamluh fl-isfond li l-Prim Ministru Robert Abela preżenta tliet pakketti finanzjarji li qed ikunu ta’ spalla għan-negozji u jipproteġu l-interessi tal-ħaddiema.
Fost l-oħrajn hemm il-ħlas ta’ tmien mitt ewro fix-xahar ta’ pagi lil ftit aktar minn tnejn u sittin elf ħaddiem li jaħdmu f’setturi direttament milquta mill-pandemija bħal qasam tat-turiżmu.
F’dan il-kuntest kollu, l-fond monetarju internazzjonali saħaq li l-Gvern huwa ffukat biex jilqa’ għall-effetti li qed iġġib magħha l-pandemija tal-Coronavirus.
L-analisti indipendenti tal-IMF faħħru lil Gvern għal politika fiskali tiegħu u għas-surplus li reġa’ ġie rreġistrat eżatt qabel faqqgħet il-pandemija.
Fissru li b’suq tax-xogħol b’saħħtu li kellu pajjiżna dawn l-aħħar snin, Malta għandha lqugħ fiskali b’saħħtu li jtiha ċ-ċans timmanuvra f’dan il-perjodu ta’ sfida għad-dinja kollha.
L-IMF tkellem wkoll dwar it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, anki dawn finanzjarji.
Fost l-oħrajn innota t-tisħiħ li sar fl-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA filwaqt li semma li għad hemm sfidi oħra biex Malta jibqa’ jkollha qafas regolatorju b’saħħtu fis-settur finanzjarju.
L-IMF innota wkoll andament ekonomiku b’saħħtu sa anki eżatt qabel feġġew l-ewwel każijiet ta’ Coronavirus f’pajjiżna u saħqu li l-effetti fuq l-ekonomija jibqgħu sakemm ma terġa’ tibda ddur ir-rota ekonomika hekk kif pajjiżna joħroġ mill-pandemija.