Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għamel progress kbir fil-ġbir tal-flus, li tħallsu b’mod irregolari lil persuni li ma kellhomx dritt għall-Assistenza għal Diżabiltà Severa. Fil-fatt jirriżulta li, fl-aħħar sena, inġabru medja ta’ kważi €90,000 fix-xahar.
Dan wara li, b’inizjattiva proattiva tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, inħolqu mekkaniżmi ġodda biex jiġu evalwati l-applikazzjonijiet għall-Assistenza għal Diżabilità Severa fil-perjodu inkwistjoni u, fl-istess waqt, jassigura li dak li hu tal-poplu jinġabar lura.
B’kollox kien hemm mat-340 persuna li laħqu tħallsu €6.8 miljun f’benefiċċji li ma kinux dovuti lilhom, waqt li, sal-lum, diġà nġabru €2.2 miljun wara li l-Gvern daħal fi ftehim mal-maġġoranza assoluta ta’ dawk kollha li rċevew dawn il-ħlasijiet b’mod irregolari.
Sal-lum, 78 persuna diġà ħallsu dak kollu dovut minnhom f’total ta’ €1.2 miljun, waqt li hemm ukoll 218-il persuna oħra, li daħlu fi ftehim mad-dipartiment konċernat u qed iħallsu dak dovut f’pagamenti kull xahar. Dawn diġà ħallsu mal-€1 miljun ieħor, iżda jifdlilhom mat-€3.6 miljun oħra.
B’hekk ikun jifdal biss 44 persuna li għadhom ma daħlux fi ftehim biex iħallsu lura dak dovut minnhom. Sadanittant dawn xorta nżammulhom kważi €70,000 minn benefiċċji oħrajn, li għandhom dritt għalihom, biex b’hekk jibqagħlhom jagħtu bejniethom ftit inqas minn €1 miljun.
Dan jirriżulta minn xhieda li ta d-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, George Cremona, meta din il-ġimgħa kompla s-smigħ tal-kawża ġudizzjarja marbuta mal-irregolarità msemmija.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Cremona spjega kif il-Gvern qed jaħdem qatigħ biex jiġu rkuprati l-flus maħruġa fil-każi ta’ benefiċċji relatati ma’ diżabilità severa li ma kinux dovuti.
Attwalment fil-Qorti għaddejjin proċeduri kontra ħames persuni, li tpoġġew taħt att ta’ akkuża minħabba reati marbutin ma’ dawn il-każi.