Parole tingħata biss jekk priġunier ikun ġab ruħu tajjeb, fost kundizzjonijiet oħra.
Fakkar dan il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia, fid-dawl li għat-tieni darba, il-Qorti kostituzzjonali ta’ pajjiżna qalet li f’każ ta’ sentenza ta’ mill-inqas ħamsa u għoxrin sena ħabs, il-priġunier għandu jkollu id-dritt li japplika għall-kunsiderazzjoni tal-parole. Xi ħaġa li tmur id f’id ma’ dak li qalet il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bnedmin.
Il-Ministru Farrugia qal li f’każ li ma jiġux segwiti r-regoli stipulati ifisser li l-persuna tiddaħħal lura fil-faċilità u tkompli tiskonta s-sentenza mogħtija lilha.Il-Ministru Farrugia tenna li bħalissa l-Gvern għaddej bi proċess ta’ diskussjonijet dwar sentenzi ta’ għomor il-ħabs.
Id-diskussjoni li għaddeja bħalissa qed tevalwa wkoll jekk għomor il-ħabs għandix tkun tfisser numru ta’ snin speċifikati biex il-Gvern iwassal leġislazzjoni addattata.
Il-Ministru għall-Intern sostna li fost numru ta’ kundizzjonijiet il-bord jikkunsidra l-imġiba tal-priġunier ma’ sħabu fil-faċilita korrettiva u mal-uffiċjali u jara jekk il-priġunier ikunx jisgħobih għal dak ir-reat li kien wettaq fil-passat. Farrugia saħaq li l-bord jikkusnidra wkoll l-att kriminal li jkun seħħ.
Ma’ ONE NEWS il-Ministru Farrugia fakkar li applikazzjoni għall-parole ma jfissirx li l-persuna se tingħatalha l-parole.