L-ambizzjoni ta’ pajjiżna li jimxi ‘l quddiem, qed tgħin lis-settur finanzjarju jkompli jinvesti f’Malta.
Dan intqal mill-Ministru għall-Finanzi l-Professur Edward Scicluna waqt li kien preżenti għar-rebranding tal-kumpanija GlobalCapital, meta kien qed jagħmel żjara f’uffiċini ta’ din il-kumpanija f’Ta’ Xbiex.
Din il-kumpanija issa għandha l-isem il-ġdid ta’ LifeStar.
Waqt din iċ-ċerimonja, iċ-Chairman tal-kumpanija, il-Professur Paolo Catalfamo qal li dan it-tibdil fil-kumpanija wasal wara ħidma sfieqa f’dan is-settur. Qal kif din il-kumpanija qed taħdem sabiex tkun minn ta’ quddiem fis-suq tal-assigurazzjoni.
Il-Ministru Scicluna semma’ kif il-gvern qed jaħdem qatiegħ sabiex jgħin lill-kumpaniji sabiex ikomplu jikbru ‘l quddiem. Hawnhekk semma’ l-COVID Wage Supplement, li salva diversi negozji f’dan iż-żmien ta’ sfida.