B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Oppożizzjoni, il-Gvern qiegħed jaħdem qatigħ sabiex jinstabu soluzzjonijiet adegwati għas-sitwazzjoni li ħolqot l-amministrazzjoni preċedenti tal-Partit Nazzjonalista fis-sistema ta’ kif jinħarġu l-kontijiet permezz tal-legal notice li ddaħħlet fl-2009.
Dan il-Gvern diġà talab review hu stess biex jinstabu s-soluzzjonijiet biex jiġi assigurat li l-konsumatur ikompli jgawdi fost l-aqwa prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa. Minkejja dan, il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma jrid ifakkar li l-poplu Malti u Għawdxi u n-negozji qed jirċievu lura €90 miljun fis-sena mit-traħħis tal-kontijiet li dan il-Gvern daħħal fis-seħħ fl-2014 għall-familji, u fl-2015 għan-negozji wkoll.
Dan huwa dak li jgħodd. Id-differenza netta hija li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, il-familji kienu jħallsu medja ta’ 25% aktar fil-kontijiet tagħhom. Dan jikkonfermawh statistika tal-Eurostat tas-sena 2010 fejn tikkonferma li Malta kellna l-ogħla kontijiet fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan il-Gvern se jkun qed jaġixxi għax għandu l-kredenzjali biex jagħmel dan.
Statistika tal-Eurostat tas-sena 2010 – Malta bl-ogħla kontijiet fost il-pajjiżi kollha tal-UE
Statistika oħra tal-Eurostat tikkonferma li fl-2014 il-Maltin bdew igawdu mill-irħas kontijiet fost il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej