Sabiex jgħin lil dawk milquta finanzjarjament mill-COVID-19, il-Gvern ser jagħmel tajjeb għal 80% tal-kirjiet għal dawk li applikaw għall-benefiċċju rivedut tal-kera.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar aġġornamenti dwar dan il-benefiċċju rivedut kawża tal-impatt tal-COVID-19.
Il-Ministru Galdes stqarr, “Numru ta’ familji ser jibbenefikaw saħansittra minn 80% tal-prezz tal-kera biex ikunu jistgħu jlaħħqu u ma jitilfux id-djar tagħhom.”
Il-Ministru Galdes semma li dawk eliġibbli huma persuni li tilfu l-impjieg tagħhom, persuni li ġew sospiżi mix-xogħol b’mod temporanju u persuni li jaħdmu għal rashom li waqfilhom jew naqsilhom drastikament id-dħul tagħhom minħabba l-imxija tal-Covid-19 kif ukoll dawk l-individwi li għaddejin minn vjolenza domestika.
Il-Ministru Galdes spjega kif 28% tal-applikazzjonijiet kollha li ġew sottomessi sa issa ġejjin minn persuni li jaħdmu għal rashom u li qabel ma kinux jikklassifikaw għall-iskema tal-benefiċċju tal-kera.
Minn naħa l-oħra 72% tal-applikazzjonijiet ġejjin minn impjegati li jew tilfu l-impjieg jew qed jaħdmu inqas kawża tal-COVID-19.
Intant mindu saret il-riforma fil-liġi tal-kera, ġew irreġistrati 8,000 kuntratt ta’ kirja mal-Awtoritajiet tad-djar.
Fil-fatt il-Ministru Galdes flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay spjegaw li ħafna minn dawn il-kuntratti ġew irreġistrati online.
Is-Sur Mckay ħabbar ukoll li għal dawk li xtraw propjetà mingħand l-Awtorità tad-Djar u li sal-lum kienu qed iħallsu l-kirja, ġie implimentat moratorju ta’ sitt xhur sabiex itaffi l-ispejjeż fuq il-familji.
“Ħabbarna wkoll li persuni li xtraw xi post mingħand l-Awtorità fil-passat, għadhom qegħdin iħallsu lill-Awtorità imma ntlaqtu minn xi sitwazzjoni jew ċirkostanza relatata ma’ telf ta’ impjieg jew problemi ta’ saħħa, dawn ħa jingħataw moratorium għal numru ta’ xhur li huwa sitt xhur.” Saħaq McKay.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay spjega wkoll li l-Awtorità ssospendiet ħlas addizzjonali għal dawk li ma jirreġistrawx il-kuntratt tal-kirja sa 10 ijiem wara li dan jidħol fis-seħħ.