Fi Brussell u lil hinn għaddejjin diversi spekulazzjonijiet li l-Polonja se jkun il-pajjiż li jmiss li joħroġ jew jitkeċċa mill-Unjoni Ewropea.
Dan wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kkundannat lill-Polonja għal riformi ġudizzjarji li jmorru kontra l-ispirtu tas-saltna tad-dritt.
Minkejja dan, il-Qorti Kostituzzjonali fil-pajjiż iddikjarat li d-deċiżjoni tmur kontra l-Kostituzzjoni u m’għandhiex tiġi kkunsidrata.
Osservaturi legali qed iqisu din id-dikjarazzjoni bħala indikazzjoni ċara li l-Polonja trid timmina l-liġijiet Ewropej u anki titbiegħed mill-Unjoni Ewropea.
Il-Polonja, li bħal pajjiżna ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fl-elfejn u erbgħa, hija obbligata li timxi mar-regoli u l-liġijiet Ewropej, iżda l-Gvern ta’ Varsavja, imsieħeb fil-Partit Popolari Ewropew, spiċċa maqbud fi kwistjoni mal-pajjiżi l-oħra minħabba riformi kontroversjali li ntroduċa fi Frar tas-sena l-oħra.
Minn dak iż-żmien, l-Imħallfin Pollakki ma setgħux jirreferu każijiet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, fl-istess waqt li nħolqot sistema dixxiplinarja li tirrestrinġi l-indipendenza tal-ġudikatura.
Ir-riformi mill-Gvern lemin Pollakk kienu meqjusa bħala theddida għas-saltna tad-dritt mill-Qorti Ewropea.
Issa l-każ jinsab quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-pajjiż. Jekk il-każ jinqata’ kontra l-Gvern Pollakk, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tkun tista’ tordna lill-pajjiż biex jissospendi parti mir-riformi. Jekk iseħħ bil-maqlub, kif hija l-indikazzjoni, il-Polonja trid tbiddel il-Kostituzzjoni jew tirtira mill-blokk Ewropew.
Madwar sentejn ilu, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, imxiet differenti ħafna mal-Gvern Pollakk milli kif iġġib ruħha kontra Malta.
Dakinhar kien irrapportat kif f’laqgħa fejn attakkat lil Malta, Metsola m’użatx l-istess riga mal-Polonja u ma vvutatx biex isir rapport dwar is-saltna tad-dritt f’dan il-pajjiż.
Il-votazzjoni kontra l-Polonja kienet intilfet b’vot wieħed biss, li jfisser li d-deċiżjoni ta’ Metsola kienet iżjed minn strumentali
Attitudni simili għal din mill-istess Metsola ġiet innotata diversi drabi u fil-konfront ta’ pajjiżi Ewropej oħra.