Hekk kif ingħalqu l-kontijiet finanzjarji għas-sena 2023, ġie konkluż kif il-Gvern, nefaq kważi biljun ewro fil-proġetti kapitali. Dan filwaqt li d-defiċit kien inqas minn dak imbassar fil-Baġit tas-sena preċedenti, biex b’hekk il-Gvern laħaq il-miri finanzjarji tiegħu.
Irraportat dwar dan il-gazzetta ‘Illum’ fil-ħarġa tagħha, nhar il-Ħadd, skont ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika, li nnota kif l-investiment kapitali fis-saħħa rdoppja fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li dak fuq l-ambjent qabeż il-€150 miljun għall-ewwel darba fl-istorja. Fl-edukazzjoni u fis-sigurtà, il-proġetti kapitali ammontaw għal kważi kwart aktar mis-sena ta’ qabel. B’kollox, l-allokazzjoni kapitali totali kienet aktar minn terz akbar.
Minkejja din iż-żieda fin-nefqa, id-defiċit fuq il-Fond Konsolidat naqas bi kważi 77 miljun ewro, fuq is-sena ta’ qabel.
Dan minkejja li l-ispiża fil-benefiċċji soċjali, kienet tammonta għal kważi mitt miljun, filwaqt li kien hemm spiża akbar ta’ 23 miljun ewro, minħabba t-trasport pubbliku b’xejn.
Dan ifisser li l-Gvern mar aħjar bi 17%, hekk kif id-defiċit kien inqas minn dawk previst. Dan filwaqt li l-previżjoni fejn jirrigwardja dħul li sar fil-Baġit kienet ferm viċin dak li fil-fatt kien miġbur mill-Gvern, tant li l-ispiża kienet kważi kwart ta’ biljun anqas milli kien mistenni.
L-akbar spiża tal-Gvern is-sena li għaddiet kienet fuq protezzjoni soċjali, bl-allokazzjoni titla’ għal aktar minn €2.2 biljun, żieda ta’ kważi 10% fuq is-sena ta’ qabel.
Fuq is-saħħa, il-Gvern nefaq somma rekord ta’ aktar minn biljun ewro, b’żieda ta’ 11% fuq is-sena ta’ qabel. Anke fl-edukazzjoni kien hemm żieda ta’ 10% fl-ispiża pubblika, tant li din laħqet kważi €850 miljun.
Fejn jidħol dħul, l-akbar żieda kienet mill-Income Tax fejn il-Gvern kważi ġabar €2.5 biljun ewro, jew madwar terz ta’ biljun aktar mis-sena ta’ qabel.
Kien hemm żieda qawwija wkoll fid-dħul mill-bolla, fejn inġabru aktar minn mitt miljun ewro aktar.
Dan filwaqt li għall-ewwel darba, l-Gvern ma ra ebda dħul mill-Bank Ċentrali.