Il-Gvern mistenni jgħin madwar 25 każin tal-banda jew soċjetà mużikali li s-sede tagħhom tinsab bil-kirja.
Dawn il-każini jinsabu f’riskju li jitilfu s-sede rispettiva tagħhom, u għalhekk magħhom jispiċċa wkoll ix-xogħol kollu li jagħmlu s-soċjetajiet mużikali fil-komunità.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera qal li jinsab konxju dwar it-titolu ta’ dawn il-każini, dan hekk kif il-protezzjoni legali li kellhom l-inkwilini tal-każini spiċċat.
Huwa qal, “Il-Gvern huwa impenjat illi jintervjeni, jintervjeni billi jixtri u jakkwista l-każini kollha biex imbagħad ikun jista’ jgħin il-każini u l-kumitati jibqgħu fil-każini. Il-proċess għaddej ġmielu u nispera li fil-ġimgħat li ġejjin inkun f’pożizzjoni li nressaq quddiem il-kabinett il-proposta tiegħi ta’ kif il-Gvern jista’ jakkwista dawn il-każini.”
Minkejja li s-sitwazzjoni mhix waħda t’emerġenza, it-titolu ta’ ftit aktar minn kwart tal-każini tal-baned lokali huwa vulnerabbli, u għalhekk il-Gvern se jkun qed jagħti l-assistenza tiegħu sabiex l-identità kulturali tal-festi Maltin tibqa’ ħajja.
Il-Ministru Herrera sostna, “Għax jekk jispiċċaw żgumbrati tispiċċa l-kultura folklorista tagħna tal-festi u jispiċċaw il-każini u bil-mod il-mod dawn id-drawwiet jibdew imutu. Dik żgur il-Gvern mhux se jippermetti li tiġri.”