Il-Gvern huwa miftuħ biex jiddiskuti biex isir tibdil fil-mod kif inhi miktuba l-emenda li qed jipproponi sabiex jiġu kkjarifikati l-parametri fil-Kodiċi Kriminali li għandhom japplikaw għal ċirkostanzi ta’ neċessità fejn ikun meħtieġ intervent mediku biex tiġi protetta l-ħajja u s-saħħa ta’ mara tqila li tkun qiegħda tbati minn kumplikazzjoni medika.
Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, li, iżda, kien ċar ukoll li mhu se jkun hemm l-ebda tibdil li jelimina jew jirrendi mhux applikabbli fil-prattika l-prinċipju li periklu gravi għas-saħħa jintitola lill-professjonisti mediċi li jieħdu l-azzjoni neċessarja biex jipproteġu lill-mara. Saħaq li, li kieku l-Gvern kellu jaċċetta dan, ikun qed jibgħat il-messaġġ żbaljat li l-ħarsien tal-mara ma jfisser xejn.
Ikun ifisser ukoll li, jekk fl-Isptar Mater Dei tibqa’ tiġi segwita proċedura li, fir-realtà, ilha tiġi segwita s-snin meta jkun hemm ċirkostanzi uniċi fejn it-tobba jkollhom jagħmlu intervent biex isalvaw lill-omm, kemm l-omm kif ukoll il-professjonisti mediċi se jibqgħu esposti għal proċeduri kriminali kontrihom.
Il-Prim Ministru stqarr li ma nistgħux nibqgħu qisu mhu jiġri xejn meta hawn nies li qed ibatu minħabba li l-qafas leġiżlattiv ta’ pajjiżna kif inhu bħalissa ma jaħsibx għal ċirkustanzi fejn mara jkollha kumplikazzjonijiet fit-tqala li jipperikolawlha ħajjitha jew saħħitha b’mod gravi.
Dr Abela qal li minkejja li l-Gvern kien ċar ħafna dwar l-ambitu preċiż tal-emenda, kien hemm eżerċizzju ta’ biża’ u ta’ miżinformazzjoni minn forzi li għalihom il-ħarsien tal-mara ma jfisser xejn.
Huwa qal li min qed jipprova jgħid li l-Gvern b’xi mod qed jipprova jdaħħal l-abort mit-tieqa qed jagħmel disservizz lill-poplu, għax l-emenda proposta hija ċara li d-dispożizzjonijiet kollha li jagħmlu l-abort illegali f’pajjiżna se jibqgħu hemmhekk.
Dwar id-diskussjoni ulterjuri li lest jagħmel il-Gvern, il-Prim Ministru spjega li l-ewwel aspett li l-Gvern lest li jemenda l-kliem tal-emenda proposta dwaru huwa fir-rigward ta’ meta l-fetu jkun vijabbli biex jitwelled.
“Kull fejn huwa vijabbli li l-fetu jitwelled – jiġifieri, qed nitkellmu madwar erbgħa u għoxrin ġimgħa – kull fejn il-fetu jista’ jitwelled u jgħix, allura t-tobba tagħna jridu jwelldu u dik it-tarbija tkun tista’ tgħix. Jekk hemm bżonn li wieħed jiċċara iktar dan il-punt, allavolja konna ċari iktar mill-kristall fid-dibattitu parlamentari – għax dak id-dibattitu huwa sors ta’ interpretazzjoni – iżda jekk hemm bżonn li niċċaraw u nikkristallizzaw iżjed dan il-punt, lesti li nistgħu nikkristallizzawh u niddiskutu dwaru dan il-punt.”
It-tieni aspett li fuqu l-Gvern lest jikkunsidra tibdil fil-kliem tal-emenda huwa biex ma jkunx hemm abbuż mid-definizzjoni ta’ x’inhuma kumplikazzjonijet gravi fis-saħħa tal-mara.
“Jekk hux qed nitkellmu dwar il-punt li jista’ jkun hemm min il-kunċett ta’ periklu għas-saħħa, gravi, iġebbdu, u allura li rridu nintroduċu forma ta’ salvagwardja biex dak il-kunċett ma jiġix imġebbed iktar minn dak li l-leġiżlatur irid ifisser, allura dak il-prinċipju nistgħu nikkristallizzawh ukoll.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll li, kontra dak li allegaw xi wħud, anki b’din l-emenda l-omm se tibqa’ dejjem fil-libertà li tagħżel li ma jsirx intervent fuqha, anki jekk ħajjitha jew saħħitha jkunu f’periklu gravi.
Madankollu, il-pajjiż ma jistax jibgħat messaġġ li saħħet il-mara ma tfisser xejn jew li hija sekondarja.
“Li huwa żgur prinċipju li m’aħniex lesti nidderogaw minnu, huwa illi fejn tidħol kwistjoni ta’ saħħet l-omm, dak huwa prinċipju li ma nistgħux inċeduh.”
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li fil-mument li npoġġu s-sitwazzjoni ta’ saħħet il-mara bħallikieku ma tfisser xejn għalina, inkunu għamilna l-ikbar disservizz, anki fil-kuntest tad-diskussjoni nazzjonali li qed turina realtajiet ta’ nisa tagħna qegħdin ibatu.”