Il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal waħda minn sensiela ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni li qegħdin isiru mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ma’ Kunsilli Lokali bil-għan li jisma’ b’mod dirett dwar il-ħtiġijiet tar-residenti b’rabta ma’ aspetti ta’ sigurtà.
Għal-laqgħa tal-lum, attendew 10 rappreżentanti minn Kunsilli Lokali diversi lkoll bi sfidi komuni.
Il-Prim Minsitru Robert Abela tkellem dwar kif il-Gvern mhux se jaħrab minn sfidi li jeżistu f’għadd ta’ lokalitajiet f’pajjiżna u kien għalhekk li għażel li jkun fost is-Sindki biex jieħu nota hu wkoll ta’ dak li l-Gvern għandu jkun konxju tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li l-attitudni dejjem għandha tkun waħda fejn kulħadd, hu min hu jew hi min hi, josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna u għalhekk l-impenn li qed isir biex jiżdied l-infurzar tal-ordni pubblika fl-ibliet u l-irħula tagħna.
Il-Ministru Byron Camilleri saħaq kif ir-residenti għandhom ikollhom serħan il-moħħ u għandha tiġi infurzata l-liġi bil-għan li fis-soċjetà jkun hemm ordni u dixxiplina. Fisser li huwa għal dan il-għan li jrid jinżamm kuntatt dirett mar-rappreżentanti tal-lokalitajiet.
Il-Ministru Camilleri qal li se nkomplu naħdmu biex ikollna preżenza ikbar ta’ pulizija u uffiċjali oħra ta’ infurzar fil-lokalitajiet. Fil-laqgħa li fiha ġew diskussi diversi ideat, il-Ministru Camilleri qal li flimkien nistgħu infasslu l-prijoritajiet li rridu naħdmu fuqhom f’dan il-livell għaż-żmien li ġej.
Għall-laqgħa attendew l-ogħla uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija għall-Infurzar Lokali, il-LESA.