Il-Gvern Malti waqqaf il-vjaġġi kollha bejn Malta u l-Italja.
F’konferenza tal-aħbarijiet fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-gvern iddeċieda biex b’effett immedjat, jitwaqqfu t-titjiriet bl-ajru u l-vjaġġi bil-katamaran bejn Malta u l-Italja.
Deċiżjoni li ttieħdet wara li t-Tnejn filgħaxija il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte ddikjara li l-Italja tinsab fi kwarantina obbligatorja minħabba t-tifrix tal-Coronavirus.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll li l-cruise liner b’aktar minn 2,600 passiġġier li kien fi triqtu lejn il-Port il-Kbir ma tħalliex jidħol f’pajjiżna.
Qal li l-unika vjaġġi li se jitħallew isiru bil-katamaran huma biex tinġieb il-merkanzija bħal mediċina u prodotti tal-ikel biex il-provvista tibqa’ b’saħħitha. Filwaqt li nnota li s-sitwazzjoni fi Sqallija hija waħda stabbli.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarret: “Il-Gvern Malti ħa d-deċiżjoni immedjata li jwaqqaf it-titjiriet bl-ajru u l-vjaġġi bil-baħar bejn l-Italja u Malta. Il-vjaġġi li se jitħallew isiru huma dawk biex iġorr merkanzija u prodotti tal-ikel biss. ”
Spjega wkoll li l-Gvern se jkun qed jieħu ħsieb biex iġib lura f’pajjiżna l-Maltin li huma maqbuda fl-Italja. Huwa fakkar fil-helpline li tnieda aktar kmieni mmirat lejn dawk li jinsabu ġewwa l-Italja.
Il-Prim Ministru sostna: “Is-solidarjetà sħiħa magħhom. Se nagħmlu l-arranġamenti kollu biex jinġiebu lura lejn Malta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela kellu wkoll messaġġ ta’ kuraġġ għall-poplu Taljan li mit-Tnejn filgħaxija tpoġġa kollu kemm hu taħt kwarantina bil-għan li jimmitiga t-tifrix ta’ dan il-virus.
Dr Abela reġa’ appella għall-kalma u spjega li l-Gvern se jieħu l-passi kollha meħtiega, u jittieħdu mizuri iebsin kemm hu iebsin sabiex tiġi imħarsa s-saħħa tal-poplu Malti. Qal li l-poplu Malti irid ikompli bil-ġurnata ta’ xogħol u skola normali.
Il-Prim Ministru appella: “Ejjew bħala nazzjon wieħed ngħelbu din l-isfida. Nappella għal kalma, għat-trankwilità. M’hemmx ħtieġa ta’ ebda allarm. Pajjiżna huwa mħejji sew għal kull eventwalità.”
Qal li l-poplu Malti jrid ikompli bil-ġurnata ta’ xogħol u skola normali.
Il-Prim Ministru temm jgħid: “Nerġa’ noffri s-serħan il-moħħ lil poplu tagħna. Il-prijorità tagħna hija s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi. Is-saħħa tal-poplu Għawdxi u Malti l-ewwel.”