“Għandna r-rieda u l-ħeġġa li ngħinu lin-negozji tagħna sabiex ikomplu jikbru u jimirħu f’pajjiżi oħra barra minn xtutna partikolarment fir-reġjun importanti tal-Golf.” Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt li kien qed jindirizza seminar organizzat minn Trade Malta dwar l-opportunitajiet ta’ negozju fl-Emirati Għarab Magħquda u l-madwar.
Il-Ministru Ian Borg stqarr illi fl-aħħar xhur bħala Ministru responsabbli mill-Kummerċ Internazzjonali, kellu l-opportunità li jżur l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdija u fiż-żmien li ġej anke l-Qatar sabiex ikun hemm aktar diskussjonijiet mal-Awtoritajiet konċernati biex jinfetħu aktar bibien ta’ opportunitajiet għal negozji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru tenna kif dan ir-reġjun għaddej minn perjodu ta’ tkabbir ekonomiku qawwi u huwa wieħed mill-aktar postijiet li qed jattira negozji innovattivi. Huwa kompla jgħid kif fid-diskussjonijiet li kellu fl-aħħar xhur huma bosta l-pajjiżi li għandhom l-għan li jkomplu jkabbru r-relazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżna għax jemmnu fil-potenzjal li għandna bħala pajjiż bħala pont bejn żewġ kontinenti essenzjali.
Il-Ministru Ian Borg ippreseda wkoll fuq żewġ ftehimiet li saru permezz ta’ Trade Malta li se jkunu qed ikomplu jgħinu fl-operat tagħhom.