Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg attenda għall-kommemorazzjoni tal-Jum tal-Commonwealth li qed jiġi ċċelebrat f’Londra, fir-Renju Unit.
Il-Ministru Ian Borg kien mistieden mill-Familja Rjali sabiex tul il-jum ilbieraħ, attenda għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’isem il-Gvern Malti. Il-Jum tal-Commonwealth ta’ din is-sena qiegħed ifakkar l-10 anniversarju minn meta r-Reġina Eliżabetta II kienet iffirmat il-Commonwealth Charter lura fl-2013.
Il-Ministru Borg kien preżenti għaċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar tal-Commonwealth fil-Palazz ta’ Westminster, fejn b’mod simboliku ttellgħet ukoll il-bandiera ta’ Malta bħala waħda mis-56 stat li jagħmlu parti mill-grupp tal-Commonwealth. Aktar tard, flimkien mal-Kummissarju Għoli Malti Emmanuel Mallia, ipparteċipa f’ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fil-Commonwealth Memorial Gates.
Flimkien ma’ numru ta’ Ministri għall-Affarijiet Barranin oħra, il-Ministru Ian Borg attenda wkoll għall-avveniment tal-Commonwealth Day Service f’Westminster Abbey u anke attività fil-Palazz ta’ Buckingham.
Il-Ministru Borg tenna kif Malta hija impenjata li tkompli tkun stat attiv fil-Commonwealth, u jħares ’il quddiem għal-laqgħat importanti li hemm skedati fil-jiem li ġejjin relatati mat-tema ta’ din is-sena, ta’ futur ta’ paċi u sostenibbiltà.