Il-Qorti mmexxija mill-Imħallef Lawrence Mintoff qalet li l-Gvern Malti ma kisirx id-drittijiet tal-għaqda Sea-Watch. Il-każ imur lura f’Ġunju tal-2018, meta l-bastiment Sea-Watch 3 daħal fil-Port il-Kbir għall-manutenzjoni.
Iżda fl-aħħar ta’ Ġunju, il-bastiment ma ngħatax il-permess sabiex jitlaq minn pajjiżna mill-awtoritajiet tal-port Maltin.
Sa ġimagħtejn wara, l-awtoritajiet Maltin spjegaw li huma qed jistennew ir-riżultati ta’ spezzjonijiet Olandiżi.
Imbagħad f’Awwissu ta’ dik is-sena, kien ingħataw il-permessi sabiex isalpa, iżda ftit qabel din tħassret.
Il-bastiment kien salpa kważi fl-aħħar ta’ Ottubru tal-elfejn u tmintax.
L-għaqda mhux governattiva, Sea-Watch kienet saħqet li l-Gvern Malti mhux iħalliha milli tagħmel xogħlha sabiex tassisti lill-immigranti.
Hawnhekk kienet infetħet kawża kostituzzjonali. Fid-deċiżjoni tal-Qorti ntqal kif il-bastiment ma kienx irreġistrat kif suppost u b’hekk inżamm fil-Port Malti.