Il-Gvern Malti wieġeb allegazzjonijiet tad-Deputat Prim Ministru Taljan, Matteo Salivini, li Stati Membri tal-Unjoni Ewropea naqsu milli jipparteċipaw f’rilokazzjonijiet tal-immigranti. Fi stqarrija, il-Gvern fakkar lil Salvini li Malta kkordinat l-ewwel operazzjoni ta’ rilokazzjoni bejn numru ta’ Stati Membri Ewropej fil-każ tal-bastiment Lifeline. L-istess bastiment li minnu, l-Italja offriet li tieħu 50 immigrant minn Malta.
Fit-tieni każ wara dak tal-Lifeline, l-Italja offriet l-appoġġ tagħha għal operazzjoni simili. Hawnhekk, Malta kienet l-ewwel pajjiż li offriet li tieħu lura 50 immigrant mill-Italja.
Il-Gvern Malti żied jgħid li wara diversi talbiet minn Malta, esperti Maltin u Taljani eventwalment qablu li ż-żewġ pajjiżi għandhom jieħdu l-istess ammont ta’ immigranti mingħand xulxin, hekk kif dawn kienu diġà sofrew vjaġġ perikoluż biex qasmu lejn l-Ewropa. Għalhekk, iż-żewġ pajjiżi ħassew li kien ikun aktar xieraq li dawn il-persuni ma jkunux sfurzati jagħmlu vjaġġ ieħor, iżda jinżammu f’Malta u l-Italja. Malta għalhekk żammet 50 migrant mill-Lifeline li suppost ġew trasferiti lejn l-Italja, u l-Italja żammett 50 immigrant mill-każ Pozzallo li suppost intbagħtu Malta.
Il-Gvern għalhekk huwa sorpriż bl-aħħar allegazzjonijiet ta’ Salvini, li fi kliemu, huma żbaljati għall-aħħar. Il-Gvern fl-istess ħin fakkar li DG Home, li kienet qed tikkordina ir-rilokazzjoni volontarja, qed tqis li kemm Malta, kif ukoll l-Italjan, żammew kelmthom ma’ xulxin.
Il-Gvern Malti temm jistieden lill-Gvern Taljan biex jerġa jagħti ħatsa lill-istatistika u jżomm lura milli jirrepeti allegazzjonijiet infondati.