Malta qiegħda ġġorr piż sproporzjonat, hekk kif Malta tinsab fuq quddiem fl-immaniġġjar tal-immigrazzjoni irregolari fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo waqt li kien qiegħed jindirizza d-Djalogi Mediterranji 2021 f’Ruma matul is-sessjoni li ttrattat l-immigrazzjoni u l-bżonn ta’ sħubijiet fid-dinja ta’ wara l-pandemija.
Il-Ministru Bartolo qal li jekk l-immigrazzjoni ma tkunx immaniġġjata b’mod tajjeb, l-attitudni tal-popli lejn l-immigranti se tkompli tiħrax u se twassal għal politika tal-migrazzjoni aktar restrittiva. Il-Ministru Bartolo tenna l-bżonn li jkollna fruntieri siguri u l-ħtieġa li niġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin fil-pajjiżi tal-oriġini, transitorji u tad-destinazzjoni.
Id-Djalogi Mediterranji huwa avveniment annwali ta’ livell għoli mtella’ mill-Ministeru Taljan għall-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali, flimkien mal-Istitut Taljan għall-Istudji Politiċi (ISPI), bl-għan li jiġu indirizzati sfidi komuni b’involviment minn mexxejja prominenti minn gvernijiet Mediterranji, min-negozji, mis-soċjetà ċivili, minn rappreżentanti tal-media u mill-akkademja.
Kelliema mistiedna oħra inkludew il-Ministru Libjana għall-Affarijiet Barranin Najla Al Mangoush; António Vitorino, Direttur Ġenerali tal- Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM); u Michael Spindelegger, Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Politika tal-Migrazzjoni.
Din is-sessjoni dwar il-migrazzjoni ffukat fuq il-ħtieġa li jkollna governanza aħjar ta’ dan il-fenomenu, minħabba li minkejja l-pandemija, tal-anqas 130,000 immigrant irregolari ppruvaw jaqsmu lejn ix-xtut tan-naħa ta’ fuq tal-Mediterran f’dawn l-aħħar 12-il xahar.
Il-Ministru Evarist Bartolo kellu wkoll laqgħa bilaterali mad-Direttur Ġenerali tal-IOM fejn ġew diskussi modi ta’ aktar kollaborazzjoni. Huwa kien akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Christopher Cutajar.