Il-Partit Laburista jilqa’ l-pożizzjoni tal-Gvern Malti li n-newtralità ta’ pajjiżna hija garantita u mhux se tintmess. Dan kien prinċipju li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuqu waqt il-laqgħa straordinarja tal-Mexxejja Ewropej fi Brussell.
Minkejja li hawn min qed jipprova jħawwad l-imħuħ u jgħid li Malta biddlet il-pożizzjoni tagħha, fi tmiem is-summit, il-mexxejja Ewropej qablu li se jirrispettaw il-politika ta’ difiża u sigurtà ta’ ċerti pajjiżi membri, fl-isfont tal-obbligi kostituzzjonali tagħhom, bħalma huwa l-każ ta’ Malta.
Il-Prim Ministru kien, għadu u se jibqa’ jisħaq fuq il-bżonn tal-kisba għall-paċi bħala s-soluzzjoni għall-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Enfasizza wkoll li filwaqt pajjiżna jrid iħares id-difiża u s-sigurtà, partikolarment l-infrastruttura tal-enerġija u s-cybersecurity, Malta mhux se tixtri armi u munizzjon, u lanqas mhu se tibgħat suldati jiġġieldu fi gwerer.
Ħaddieħor iktar moħħu biex il-flus tal-Ewropej jintefqu għall-armi u għall-gwerra, mentri għall-Gvern Laburista il-flus għandhom jintużaw bħala investiment fin-nies u fil-kwalità tal-ħajja tagħhom bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-qasam soċjali.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky fi Brussell talab lill-mexxejja Ewropej biex jgħinuh ikun parteċipi fin-negozjati li qed isiru mill-Istati Uniti f’taħditiet għall-paċi bejn iż-żewġ naħat.
Gvern Laburista, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela, qed joffri li pajjiżna jkun interlokutur tal-paċi, u lest jospita f’Malta taħditiet ta’ paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja għax huwa favur il-paċi u kontra l-gwerer.
AQRA AKTAR: