Il-Gvern Malti se jkun qed jibgħat 20 generator industrijali, flimkien ma’ tagħmir mediku lill-Ukrajna, bħala għajnuna umanitarja fl-isfond tal-gwerra li qed jgħix il-poplu Ukren.
Dan intal fi żjara li għamlu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurta Byron Camilleri li għamlu fil-kwartieri tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far.
Hawnhekk huma żaru l-aħħar preparamenti sabiex fil-jiem li ġejjin din l-għajnuna, b’valur ta’ aktar minn tlett elef u sebgħin elf ewro (€370,000), tibda triqtha lejn l-Ukrajna.
Din l-għajnuna se ssir permezz tal-mekkaniżmu Ewropew għall-Protezzjoni Ċivili, li permezz tiegħu pajjiżna qed joffri għajnuna umanitarja b’urġenza.
Hawnhekk il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se tibqa’ tibgħat sinjal ċar ta’ appoġġ u turi solidarjeta mal-poplu Ukren f’dan iż-żmien diffiċli.
Bħala membru fil-Kunsill tas-Sigurta tan-Nazzjonijiet Uniti, Malta se tkompli titkellem favur il-paċi u anki t-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li b’din l-għajnuna d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jerġa’ jikkonferma l-irwol importanti tiegħu, li mhux biss jassisti u jsalva persuni f’pajjiżna, iżda wkoll jikkordina għajnuna tal-Gvern Malti lil poplu ieħor fi bżonn l-assistenza.
Dawn il-generators ġew iffinanzjati mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta, mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, Għawdex.
Dan filwaqt li t-tagħmir mediku ġie ffinanzjat mill-Ministeru għas-Saħħa.