Wara li, fl-aħħar jiem, il-Pakistan esperjenza kriżi bl-impatti naturali kbar li qed iħallu l-għargħar qawwija li laqtu lil dan il-pajjiż, il-gvern Malti se jkun qed jibgħat għajnuna umanitarja lill-poplu tal-Pakistan permezz tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza ħabbar li nbeda għalhekk il-proċess li jintuża mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bih pajjiżna jassisti pajjiżi barranin li jkollhom bżonn ta’ għajnuna umanitarja urġenti.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri irrimarka li għal darba oħra, Malta se tkun qed toffri għajnuniet umanitarji urġenti lil popli ta’ pajjiżi oħra li jkunu għaddejjin minn ċirkostanzi diffiċli. Huwa qal li, bis-saħħa ta’ ħidma bħal din, Malta ser tkun qiegħda tingħaqad ma’ ħafna Stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea sabiex jagħtu għajnuna lill-Pakistan f’dan il-mument diffiċli.