Fl-2022 il-Gvern investa ftit inqas minn mija u disgħa u tletin miljun ewro fl-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, li kien jinkludu aktar minn sbatax-il miljun ewro f’manutenzjoni tal-istess toroq.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, f’rapport għall-2023 dwar statistika tat-trasport f’pajjiżna, ibbażati fuq ir-riżultati tas-sena ta’ qabel.
Meqjus il-fatt li l-Gvern Laburista kien ivvota seba’ mitt miljun fl-infrastruttura tat-toroq mifruxin fuq seba’ snin, allura, skont iċ-ċifri tal-NSO, l-allokazzjoni ta’ sentejn ilu li taqbeż sew il-medja annwali f’dan ir-rigward.
F’dik l-istess sena l-Gvern kien lesta jew beda jwettaq numru ta’ proġetti infrastrutturali, inkluż dawk massiċċi tas-Central Link u ż-żewġ proġetti biswit l-Ajruport, fost l-oħrajn.
L-istess stħarriġ ittratta wkoll it-trasport tal-ajru fejn wera kif, matul l-2022, waqt li l-pajjiż kien għadu qed joħroġ mill-pandemija, in-numru ta’ passiġġieri fl-Ajruport kien jgħodd għal kważi ħamsa punt disa’ miljuni, żieda ta’ mija u tletin fil-mija fuq l-2021.
Fejn jidħol is-settur tat-trasport marittimu, jirriżulta li l-għadd ta’ bastimenti taħt il-bandiera Maltija ammonta għal tmint elef, sitt mija u erbgħa u erbgħin fi tmiem l-2022.