Laqgħa bilaterali bejn il-Gvern Malti u l-Kunsillier tal-Istat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina, Wang Yi, fiċ-Ċina kellha fok fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi għall-paċi fil-Mediterran u reġjuni oħra, kif ukoll il-bżonn li niżguraw stabilità u sigurtà anke fil-qasam diġitali.
Iż-żewġ naħat esprimew ir-rieda tagħhom li jkomplu jsostnu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom, li diġà taw ħafna frott matul is-snin. Is-sena d-dieħla se tkun qed timmarka l-50 sena anniversarju mindu ż-żewġ pajjiżi stabbilixxew relazzjoni diplomatika bejniethom.
Il-kollaborazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-pandemija Covid-19, il-films, l-avjazzjoni u l-qasam marittimu ġew diskussi tul il-laqgħa.
L-azzjoni meħtieġa fir-rigward tal-bidla fil-klima ġiet diskussa b’rabta mal-miri li kemm iċ-Ċina u anke l-Unjoni Ewropeja stabbilixxew sabiex l-użu ta’ enerġija iżjed nadifa jkun jista’ jwassalna għal tnaqqis drastiku fl-użu tal-karbonju.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo faħħar il-mod li bih iċ-Ċina stinkat u rnexxielha toħroġ mill-faqar miljuni ta’ persuni, filwaqt li enfasizza li kull pajjiż għandu jkompli jaħdem favur għajxien fil-paċi għall-umanità kollha. Dwar dan, il-Ministru rrefera għad-drittijiet umani li jeħtieġ ikunu mħarsa bħala drittijiet fundamentali li għandhom jitgwadew minn kull individwu. Id-drittijiet umani għandhom jinkludu dawk politiċi, soċjali u ekonomiċi sabiex in-nies tgħix ħajja diċenti u ħielsa.
Il-Ministru Bartolo argumenta li, “Id-dinja għandha riżorsi, avvanz xjentifiku u t-teknoloġija meħtieġa biex titma lil kulħadd, tfejjaq ħafna mill-mard u teduka lil biljuni ta’ tfal. Sta għall-politiċi li jiddeċiedu jekk dan l-għarfien u l-ġid jużawhx għall-ħelsien jew il-jasar tan-nies; għall-paċi u l-prosperità jew inkella l-gwerra u l-miżerja.”
Iż-żewġ naħat qablu dwar l-importanza li għandha n-Nazzjonijiet Magħquda biex issolvi kunflitti f’reġjuni differenti madwar id-dinja. Il-kwistjoni tal-Libja ġiet diskussa u ż-żewġ naħat qablu li s-soluzzjoni għandha tkun waħda li tiġi minn u titmexxa mil-Libjani stess, taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Magħquda. Il-kwistjonijiet fil-Lvant tal-Mediterran, il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani u l-instabilità fl-Afganistan kienu wkoll diskussi. Iż-żewġ naħat qablu li se jkomplu jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkontribwixxu favur il-proċessi ta’ paċi u l-istabilità kull fejn meħtieġ.