Il-Gvern Malti se jagħmel eċċezzjoni għaċ-ċittadini Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra u jiġu Malta jfittxu l-ażil fejn jidħlu r-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar f’pajjiżna b’rabta mal-pandemija; ħlief għall-perjodu ta’ kwarantina.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne spjega li r-restrizzjonijiet preżenti mhux se japplikaw għaċ-ċittadini Ukreni li jixtiequ jsibu kenn f’pajjiżna, minkejja li l-Ukrajna tinsab fil-lista l-ħamra skura ta’ pajjiżi għal Malta.
Id-Deputat Prim Ministru tenna, “Persuni minn dark red jistgħu jiġu biss ġewwa pajjiżna jekk ikunu residenti Malta jew jekk ikollhom il-work permit f’pajjiżna. Fil-każ tal-Ukrajna se nagħmlu eċċezzjoni; jiġifieri apparti dawn iż-żewġ kriterji, ħa nkunu qed naċċettaw il-persuni Ukreni li għandhom xi qraba ġewwa pajjiżna kif ukoll dawk iċ-ċittadini Ukreni kollha li jkunu qed ifittxu ażil, se jkollhom il-possibilità li r-restrizzjonijiet tal-Covid għall-ivvjaġġar lejn Malta, fil-każ tagħhom, se jkunu sospiżi.”
F’turija ta’ solidarjetà mal-poplu Ukren, l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo se jilqa’ wkoll pazjenti Ukreni li jkollhom bżonn kura għall-kanċer.
Chris Fearne qal, “Sir Anthony Mamo li issa ħa fama wkoll, anki fl-Ewropa, li huwa sptar tal-onkoloġija tal-aqwa kwalità, ħa nkunu nistgħu nilqgħu numru ta’ pazjenti li minħabba l-gwerra ma jistgħux ikomplu t-trattament tagħhom tal-kanċer fl-Ukrajna.”
Chris Fearne qal ukoll li l-Gvern Malti jinsab fil-proċess li jibgħat għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna, fosthom mediċini u apparat mediku ieħor.