Hekk kif il-ġurnali tal-Ħadd kienu mimlija reazzjonijiet dwar l-emenda fil-konfront tal-Abbozz 28, li jittratta l-protezzjoni ta’ saħħet u ħajjet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, din it-tema kienet diskussa wkoll fuq il-programm ‘Paperscan’ tal-Ħadd filgħodu fuq ONE.
Waqt il-programm, ġie nnutat mill-mistiedna kif, fid-dawl tad-diversi reazzjonijiet li kienu previsti li kien se jkun hemm dwar din l-emenda, il-gvern Laburista ma baqax fommu sieket iżda ħa azzjoni.
Kien għalhekk li, meta tqajjem is-suġġett fuq l-aġenda nazzjonali rigward il-mod li bih il-liġi eżistenti ma tagħtix protezzjoni lill-omm prospettiva u lanqas lill-professjonist f’każ ta’ kumpilkazzjonijiet fit-tqala, il-Gvern qajjem diskussjoni nazzjonali.
Dan ġie innutat mid-deputat Michael Farrugia, li huwa wkoll tabib.
Qal, “Il-Gvern ma setax ipoġġi bilqiegħda, joqgħod bilqiegħda, u ma jagħmel xejn. Gvern Laburista huwa magħruf illi dejjem jaġixxi u jieħu d-deċiżjonijiet u għidna, bejnietna, ‘Isma’, ladarba m’hemmx dik il-protezzjoni, irridu nagħtuha l-protezzjoni.”
Farrugia kompla jgħid li kien b’dan il-ħsieb li l-Gvern ippreżenta l-Abbozz ta’ Liġi li ġie diskuss fuq livell nazzjonali.
Michael Farrugia qal dan wara kumment tiegħu li ppubblikat il-gazzetta It-Torċa, li fih sostna li l-emenda mressqa fl-Abbozz 28 tkompli tikkumbatti l-istatus quo filwaqt li ma tagħtix lok għal abbuż.
Intant, fil-programm ‘Paperscan’, tal-istess fehma kien il-Ministru Owen Bonnici, li wkoll innota dan is-sentiment lejn il-mod li bih jaħdem Gvern Laburista. Huwa nnota li l-Gvern mhux se jkun qiegħed idawwar wiċċu quddiem ir-realtajiet tal-poplu.
Qal, “U jiena nibgħat messaġġ li l-gvern Laburista jimpurtah minn persuni illi, minħabba s-sitwazzjonijiet li jkunu qegħdin fihom, ibatu jew għandhom riskju ta’ tbatija.”
Il-Ministru Bonnici stqarr ukoll kif huwa importanti li fil-pajjiż ikompli jkun hemm diskussjoni ħajja, anki rigward dan is-suġġett.
Preżenti fl-istess programm kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, li stqarret li dan l-Abbozz jirrifletti r-riformi li l-gvern Laburista se jkompli jaħdem fuqhom fil-futur.