Tul dawn l-aħħar jiem diversi persuni bdew ixerrdu informazzjoni skorretta fuq il-midja soċjali fejn il-messaġġ kien jgħid li l-Gvern neħħa s-sussidju minn fuq l-istrippi għad-dijabetiċi. Fid-dawl ta’ dan, f’kumment ma’ One.com.mt il-Ministeru għas-Saħħa qal li għall-kuntrarjament għal dak li qiegħed jidher fil-post, dan il-Gvern ma neħħa l-ebda strippi b’xejn għad-dijabetiċi biex jiċċekkjaw iz-zokkor.
Anzi propju b’miżura mħabbra fil-baġit li għadda, dawk il-pazjenti li għandhom id-dijabete tat-tip 1 bdew jibbenefikaw minn 4 sticks kuljum, irrespettivament mill-età, filwaqt li minn din is-sena l-pazjenti kollha li huma fuq l-insulina, inklużi dawk tat-tip 2 ser jibbenefikaw minn 4 sticks kuljum.
Għaldaqstant kuntrarjament minn dak li qiegħed jingħad fuq il-midja soċjali kien propju fl-aħħar xhur li żdiedu u mhux naqsu l-benefiċċji għad-dijabetiċi.
Is-sena li għaddiet d-dijabetiċi bdew igawdu wkoll minn mediċini ġodda fuq il-formularju, il-gliptins u repaglinide. Filwaqt li minn Jannar ta’ din is-sena ġiet rranġata anomalija maħluqa minn Gvern preċedenti fejn dijabetiċi fuq il-kartuna s-safra ma kellhomx l-istess benefiċċji, marbuta mad-dijabete, bħal dawk fuq il-kartuna r-roża.