Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li bil-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni, il-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jneħħi l-warrants tal-għalliema jew min għandu l-warrant irid joqgħod japplika għaliha kull sena.
Dr Muscat sostna dan f’kummenti lill-ġurnalisti l-għada li l-Unjin tal-Għalliema l-MUT ordnat strajk tal-għalliema fl-iskejjel kollha fuq dik li tidher bħala interpretazzjoni skoretta tal-liġi ġdida dwar l-edukazzjoni.
Huwa qal li jinsab konvint li jekk il-partijiet ikkonċernati jpoġġi madwar mejda, tista’ tinstab soluzzjoni li sserraħ moħħ kulħadd.
“Nemmen li jekk fis-siegħat li ġejjin inpoġġu bilqiegħda nistgħu nserħu ras kulħadd li ħa jkun hemm way forward dwar kif jistgħu jsiru l-affarijiet. żgur li l-intenzjoni tal-gvern mhijiex u m’hemmx mitkub hekk fl-avviżż legali li jew jitneħħew xi warrants jew min għandu warrant irid joqgħod applika għalih kull sena. ma nbidel xejn mill-liġi tal-2006”.
Il-Prim Ministru qal li l-interpretazzjoni tal-liġi li qed tqajjem issa l-MUT ma kinitx issollevata qabel fil-laqgħat li saru mal-awtoritajiet. Madankollu stqarr li l-Gvern lest li jtejjeb l-abbozz ta’ liġi u assigura li l-Gvern żgur li mhux se jibqa’ għaddej b’xi ħaġa li hemm dubju dwarha.
“L-interpretazzjoni tal-wording li jidher li qed tagħti issa l-mut li ma kinitx issolevata fil-laqgħat ta’ diskussjoni li saru, nemmen li kienet kwistjoni ta’ misinterpretazzjoni. jekk hemm lok li nimpruvjaw jew indawru l-affarijiet, aħna ħa nagħmlu hekk u m’għandix għaġla li nagħmlu hekk fis-sens aħna mhux ħa nibqgħu għaddejjin fuq xi ħaġa li hemm dubju fuqha”.
Dr Muscat ittama li fis-sigħat li ġejjin ikun hemm żblokk dwar is-sitwazzjoni fl-interess ta’ kulħadd.
“Inħares ‘il quddiem li fis-siegħat li ġejjin nittama li jkun hemm lok fejn kulħadd ipoġġi madwar mejda u nsibu way forward li permezz tiegħu l-inqas nies li għandhom ibatu huma l-istudenti u l-ġenituri nhar it-tnejn li ġej”.
Intant, il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-MUT biex jiċċara l-partijiet fil-liġi proposta li qed toħloq ħafna mistoqsijiet minħabba interpretazzjoni skorretta. Dan hekk kif fl-ebda ħin il-Ministeru ma rrefera għal tħassir tal-warrant.
Dan l-istess sentiment ġie espress mis-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima waqt li żar l-istudenti ġewwa l-Junior College bħala parti minn Freshers’ Week. Huwa qal li l-għalliema kienu kkonsultati bil-kontenut tal-Att il-ġdid li qed jiġi propost.