Aktar kmieni llum, il-Ministru Joe Mizzi sejjaħ lill-GRTU għal laqgħa dwar il-kwistjoni tal-għajnuna li qed jitolbu s-sidien tal-pompi tal-petrol biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet infrastrutturali. Dwar dan kienet ingħatat deċiżjoni mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi fl-2011 li kienet tat żieda fil-qliegħ mill-fuel lill-pompi bil-kundizzjoni li dawn ikopru l-investimenti strutturali li għandhom isiru sal-2020.
Il-Gvern jinnota t-talbiet għal żidiet mill-GRTU. Il-Gvern ma laqax dawn it-talbiet kif proposti għax f’dan l-istadju il-prezz tal-fuel jogħla għall-konsumatur lil hinn mill-prezz internazzjonali tal-fuel.
Il-Gvern offra żieda oħra ’il fuq minn dak deċiż fl-2011 u li f’dan il-ħin ma jitfax piż fuq il-familji u n-negozji. Il-bieb għal taħdidiet min-naħa tal-Gvern jibqa’ miftuħ.