Il-kumitat permanenti għall-konsiderazzjoni ta’ abbozzi ta’ liġi, presjedut minn Stefan Zrinzo Azzopardi, se jerġa’ jiltaqa’ għada l-Ġimgħa fis-2 p.m. biex ikompli jgħarbel klawsola klawsola l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ u Liġijiet oħrajn, imressaq mill-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli.
L-emendi kollha li l-Oppożizzjoni ressqet fl-istadju ta’ kumitat dwar l-inklużjoni tat-termini ‘omm’ u ‘missier’ ma ġewx aċċettati mill-Gvern.
Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco spjega li l-Opożizzjoni ma tridx iddgħajjef il-kunċett tal-ugwaljanza għax hi favur l-użu ta’ kliem favur l-ugwaljanza iżda temmen li għandha żżid l-għażla flok issir biss definizzjoni uniformi għal kulħadd.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li ma taqbilx mal-għażla kif proposta mill-Oppożizzjoni għax il-gvern jemmen f’termini newtrali dwar il-ġeneru. Dan mhux supermarket! sostniet l-Ministru Dalli.
Għall-gvern dehri l-Ministru Dalli u d-deputati Edward Zammit Lewis u Robert Abela waqt li għall-Oppożizzjoni kienet hemm ukoll id-deputati David Agius, Jason Azzopardi, Edwin Vassallo u Therese Comodini Cachia.
Il-kumitat iddiskuta wkoll il-proċess tat-testijiet ġenetiċi bl-Avukat Ġenerali Peter Paul Grech isostni li dan it-test hu l-akbar prova dwar il-paternità tal-ulied għax jagħti ċertezza assoluta dwar il-paternità.