Fil-parlament dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis tkellem dwar l-Air Malta u qal li l-Gvern jemmen li għandha bżonn sieħeb strateġiku, iżda ma jeskludix l-investiment lokali ladarba din tkun b’saħħitha finanzjarjament. Sostna madanakollu li jekk joffri isħma fiha bħalissa meta hija midjuna, jkun qed jikser il-liġi.
Il-Ministru Zammit Lewis faħħar il-ftehim biex f’Malta jiġu 10,000 turist Ċiniż, hekk kif imħabbar mill-Prim Ministru Joseph Muscat ilbieraħ fil-Parlament. Qal ukoll li l-Gvern irid li wara li r-Renju Unit jitlaq mill-UE, jibqa’ jagħti lit-turisti Ingliżi l-istess kundizzjonijiet li jgawdu llum, u dan jagħmlu permezz ta’ ftehim bi-laterali.
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar il-voti tal-ministeru tiegħu, il-Ministru wieġeb kritika ta’ Antoine Borg, Robert Arrigo u Kristy Debono. Weġibhom billi qal li fl-2015, it-turiżmu żdied b’6% fuq l-2014 meta madwar id-dinja kollha dan kiber b’4.6 fil-mija u fl-UE b’5.3 fil-mija. Malta hija l-pajjiż fil-Meditteran li l-inqas ibati mill-istaġjonalità.
Din is-sena, il-passġġġieri bil-cruiseliner mistennija jiżdiedu b’aktar minn 700,000 meta dawn, fl-2013, kienu 460,000. Malta qed tippjana li ġġib żewġ miljun turist is-sena d-dieħla, minkejja l-presidenza tal-UE.
Ħabbar li bħalissa hemm ħames applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni turistiċi u li f’din ix-xitwa l-konnettività żdiedet b’20%.
Malta fetħet niċeċ ġodda, fosthom dawk tal-LGBT, l-isports u tat-tiġijiet. Din is-sena kien hemm 16-il team tal-football li ġie jittrenja f’Malta u dawn għamlu disat elf bed-night li s-sena d-dieħla se jiżdiedu għal 15-il elf.