Il-Gvern li mmexxi jien huwa forza favur is-sewwa.
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Ħamis filgħodu wara li erba’ persuni tressqu l-Qorti fis-sigħat li għaddew b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
“Il-Gvern li mmexxi jien huwa forza favur is-sewwa.”
Il-Prim Ministru qal li l-fatt li l-Pulizija kompliet tressaq aktar nies il-Qorti b’rabta mal-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jkompli jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma straħux fil-ħidma tagħhom għat-tiftix tal-verità u biex issir ġustizzja.
Innota kif illum hemm akkużati l-allegat mandant fid-delitt, żewġ persuni allegati bl-eżekuzzjoni u issa żewġ persuni oħra allegatament involuti fil-qtil.
“Il-fatt li l-pulizija kompliet tressaq aktar persuni l-Qorti b’rabta mal-każ tal-omiċidju tal-ġurnalista s-Sinjura Daphne Caruana Galizia, ikompli jikkonferma kemm l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna ma straħux fil-ħidma tagħhom għat-tiftix tal-verita u biex issir ġustizzja.”
Qal li dak li seħħ din il-ġimgħa jikkonferma li dan huwa pajjiż li fih tirrenja s-saltna tad-dritt u ħadd ma jgawdi minn impunità.
“Jgħarralu jekk hemm xi ħadd li jaħseb li f’dan il-pajjiż jista’ jgawdu minn xi impunità.”
Saħaq li Malta għandha istituzzjonijiet li jaħdmu fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.
Dr Abela radd ħajr lill-Korp tal-Pulizija kif ukoll lill-Avukat Ġenerali għall-ħidma tagħhom f’dan il-każ.
Hawnhekk huwa semma r-riformi li twettqu taħt it-tmexxija tiegħu anke fil-qasam tal-ġudikatura u fil-mod kif il-Kummissarju tal-Pulizija nħatar wara sejħa pubblika.
Fakkar li fl-għażla tal-ġudikanti, hu bħala Prim Ministru reħa kull poter minn idu.
Tenna li mingħajr ma jħares lejn ebda uċuħ, se jibqa’ jaħdem biex dan il-pajjiż jagħlaq ferita u biex issir ġustizzja mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u ma’ Caruana Galizia nnifisha.
“Se nibqa’ naħdem biex il-pajjiż jgħalaq din il-ferita darba għal dejjem. Il-ġustizzja ma tħarisx lejn uċuh. Se niżgura li l-ġustizzja ssir mingħajr biża’ jew favuri. Għax Malta hu pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt.”