Il-Gvern qed jinvesti biex tittejjeb id-dehra ħolistika tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bdiet ukoll ħidma biex tiġi stabbilitá aġenzija dwar it-tindif, hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Dan ħabbru Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018, Deo Debattista.
Inizjattiva essenzjali ħadet il-ħajja fil-Belt Valletta fejn wara proċess ta’ djalogu mal-imsieħba kkonċernati, ittieħdet azzjoni biex jiġi implimentat proċess aktar ikkordinat fil-ġbir tal-iskart. Is-Segretarju Parlamentari Debattista qal li x-xogħol meħtieġ se jsir f’kull lokalità li hemm bżonn, dejjem b’kollaborazzjoni mall-Kunsill Lokali rispettiv.
Is-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu fil-Ħamrun, ħabbar li se jsir tindif u xogħol ieħor f’diversi żoni ta’ din il-lokalità. Dan huwa riżultat ta’ laqgħat siewja li saru mal-kunsill lokali – eżempju ħaj ta’ Gvern li jisma’.
Debattista faħħar il-ħaddiema kollha tad-Direttorat tat-Tindif. Dawn iwettqu ħidma ta’ importanza kbira, speċjalment fix-xhur tas-Sajf meta jiżdied ix-xogħol fiż-żoni turistiċi u fil-bajjiet tal-gżejjer Maltin. Debattista irringrazzja lil pubbliku li llum huwa iktar konxju li permezz tal-kontribut ta’ kull individwu, nistgħu nilħqu l-viżjoni li l-ibliet u l-irħula tagħna jkunu xempju tal-indafa