Il-Gvern Malti tenna d-deċiżjoni li ħadu l-mexxejja Ewropej f’Ġunju li għadda dwar il-vapuri ta’ għaqdiet mhux governattivi li kienu qegħdin jagħmlu missjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran.
F’ittra mibgħuta mill-Ministru Helena Dalli lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li talbet lill-Gvern iħalli jitilqu minn Malta l-vapuri MV Lifeline u Seawatch 3, il-Gvern fakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju li għadda. Qal li l-Kunsill kellu pożizzjoni ċara dwar l-operazzjonijiet tal-bastiment tal-NGOs fil-Mediterran fejn kien hemm qbil li dawn iridu jirrispetattaw il-liġijiet internazzjonali u ma jxekklux l-operazzjonijiet li qed iwettqu l-Gwardji tal-Kosta Libjana. Dwar l-MV Life Line, il-Gvern qal li Malta timxi bir-rule of law u d-deċiżjoni dwaru tittieħed ladarba jkun hemm deċiżjoni mill-Qrati Maltin. Il-Gvern qal lill-membri parlamentari Ewropej li kien konsistenti mal-obbligazzjonijiet internazzjonali dwar it-tiftix u s-salvataġġ tal-immigranti fir-reġjun tal-Mediterran. Qal li dan seħħ minkejja n-nuqqas ta’ solidarjetà.
Sostna li l-Gvern mar lil hinn mill-obbligazzjonijiet tiegħu meta ħalla l-MV Lifeline u l-Aquarius jidħlu bl-immigranti f’Malta meta ma kinitx l-awtorità kompetenti bil-kordinazzjoni tas-salvataġġ. Minkejja dan stqarr li xorta waħda offra l-koperazzjoni u l-assistenza tiegħu biex evita kriżi umanitarja għal darba tnejn.
Qal li Malta ħadmet qatiegħ biex wasslet għal inizjattiva ad hoc biex ir-responsabbiltà tal-immigranti tinqasam bejn għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Dan fid-dawl ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni bejn il-pajjiżi membri.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2018/09/Letter.pdf”]