Fi stqarrija mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ntqal li l-Gvern jibqa’ kommess li jżomm in-numru ta’ mediċini out of stock baxx, kif dejjem għamel fl-aħħar snin.
Skont l-aħħar aġġornament mis-Central Procurement and Supplies Unit, is-CPSU, joħroġ li bħalissa hemm biss erbatax-il mediċina tal-POYC out of stock fil-pajjiż.
Din ħarġet bi kjarifika għar-risposta li ta lbieraħ il-Ministru Jo Etienne Abela, fejn meta mistoqsi hu kkwota figura ta’ mediċini speċifiċi fl-isptar Mater Dei, iżda saħaq li kull pazjent huwa ttrattat b’alternattivi effikaċi.
Madanakollu, in-numru kkwotat mill-Ministru jirreferi għan-numru ta’ mediċini li għalkemm ikunu neqsin mill-binja tal-Isptar Mater Dei jew spiżeriji oħra, ma jkunux out of stock fil-pajjiż għaliex ikun hemm stokk miżmum fl-imħażen tal-istess CPSU, li taħżen u tiddistribwixxi l-mediċini fl-istituzzjonijiet mediċi kollha pubbliċi madwar Malta u Għawdex.
F’dawn il-każijiet id-dewmien fit-tqassim tal-ammonti mitluba mill-Isptar huwa kkawżat minħabba problemi loġistiċi marbuta man-natura ċċentralizzata tad-distribuzzjoni tal-mediċini.