Malta se tkompli ssaħħaħ u tippromwovi governanza tajba f’kull sfera tal-ħajja pubblika billi tafferma ruħha bħala sieħba ekonomika affidabbli, trasparenti u effiċjenti fl-isfera globali.
Dan kien is-sentiment li bih il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri indirizza seminar ta’ konsultazzjoni pubblika li qed jindirizzaw il-pilastri tad-dokument tal-Viżjoni Ekonomika għal Malta għal dawn l-għaxar snin.
Din is-sessjoni li ġiet organizzata mill-MIMCOL, iffokat fuq il-ħames pilastru, dak tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajbam partikolarment it-tisħiħ tagħhom, u t-tisħiħ tal-ambjent regolatorju biex ikun żgurat li Malta tkun konformi mal-ogħla standards internazzjonali. Dan fl-istess waqt li jiġu implimentati bidliet għal sistema ġudizzjarja aktar ġusta.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Id-diskussjoni li kellna llum qed tiffoka fuq ir-rule of law, it-trasparenza u l-governanza t-tajba biex indawruh f’pilastru importanti anke għat-tkabbir ekonomiku. Fil-viżjoni għall-għaxar snin li ġejjin irridu li l-governanza t-tajba tkun pilastru biex inkomplu nkabbru l-ekonomija. Għalhekk kien hemm id-diskussjoni biex nisimgħu lin-nies u stakeholders biex intejbu u nsaħħu r-reputazzjoni tagħna anke fuq livell internazzjonali.”
Il-Ministru għall-Governanza Edward Zammit Lewis qal li l-importanza ta’ dan il-pilastru hija iktar evidenti jekk wieħed iħares lejn il-klassifikazzjonijiet tal-aġenziji tal-kreditu, li spiss jinnotaw li Malta wettqet riformi istituzzjonali u kostituzzjonali bla preċedent.
Huwa qal, “Din hi viżjoni ekonomika li bħala pilastru għandha s-saltna tad-dritt, suġġetti importanti għall-ekonomija li jtejbu r-reputazzjoni barra minn xtutna. Is-saltna tad-dritt u l-buongovernanza jfissru proċessi aħjar għan-negozji tagħna, biex jibqgħu jimxu ‘l quddiem u jiffjorixxu. Dawn ifissru wkoll opportunitajiet aħjar għal uliedna.”
ll-konsultazzjoni hija aċċessibbli fuq sit apposta li tnieda mill-Mimcol u se tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.