Fi stqarrija il-Ministeru għall-Ambjent tenna li l-azzjoni u deċizjoni f’waqta li ttieħdet f’Lulju tas-sena l-oħra sabiex tittaffa s-sitwazzjoni kienet waħda meħtieġa, u dan sar wara li l-ERA pproċessat il-permessi ambjentali għal 10 barrieri sabiex ikunu jistgħu jilqgħu materjal ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministeru spjega illi ċ-ċaqlieq kurrenti fil-prezzijiet indikati minn xi operaturi mhumiex riżultat ta’ bidla f’xi mekkaniżmu kkontrollat mill-Gvern, iżda abbażi ta’ prezzijiet stabbiliti mill-operaturi privati li joperaw dawn il-barrieri.
Qal ukoll li l-Gvern jagħraf u jifhem is-sensittività ambjentali marbuta mar-reklamazzjoni tal-art u huwa għalhekk kommess li l-istudju dettaljat li qed isir sabiex jiġu identifikati liema huma ż-żoni l-aktar idonji, bi prijorità ambjentali, jiġi ppubblikat biss wara li jkunu meqjusa u ttieħdu l-kunsiderazzjonijiet meħtieġa.
Il-Ministeru għall-Ambjent qiegħed ukoll jaħdem fuq strateġija li tħares fit-tul marbuta mal-materjal ta’ kostruzzjoni.
L-ewwel prijorità hija dik li jinstabu miżuri sostenibbli ta’ kif irid jiġi indirizzat l-aspett ta’ twaqqigħ u kostruzzjoni.