Il-bord ta’ evalwazzjoni maħtur mill-Ministeru għall-Politika Soċjali, dwar il-proċessi tal-applikazzjonijiet għall-assistenza f’diżabiltà severa, li allegatament ma kinux medikament eliġibbli, għamel għaxar rakkomandazzjonijiet lill-Gvern biex isaħħaħ din is-sistema.
Fi stqarrija mill-istess Ministeru, ġie ddikjarat li dawn se jkunu qed jiġu mwettqa lkoll mill-Gvern.
Fost ir-rakkomadazzjonijiet li saru mill-Bord, immexxi mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, flimkien mal-membri Anthony Scicluna u Raymond Muscat, wara 18-il darba fejn instemgħu x-xhieda ta’ uffiċjali ewlenin fi ħdan il-Ministeru, hemm:
- Li jkun hemm mhux inqas minn tliet tobba li jiċċertifikaw lill-applikanti;
- Jekk ikun hemm bżonn, jinħatru bords mediċi speċjalizzati;
- Isiru kontrolli b’saħħithom dwar il-validità taċ-ċertifikati ppreżentati;
- Issir reviżjoni tal-benefiċċjarji kultant żmien;
- Jingħataw ir-riżorsi meħtieġa lill-bordijiet mediċi biex joperaw aħjar, inkluż f’residenzi tal-applikanti fejn ikun hemm il-każ;
- Li jinżammu l-minuti uffiċjali ta’ kull minuta;
- Tobba maħtura fil-bordijiet għandhom jiddikjaraw konflitt ta’ interess;
- Il-unit li jinvestiga l-abbużi fuq benefiċċji jibda jirrapporta l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti; u
- Jitfasslu Standard Operating Procedures biex iservu ta’ linji gwida.
Il-Ministeru fakkar fost oħrajn, li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li rrefera l-ewwel każ suspettuż lill-Pulizija f’Novembru tal-2021, minn fejn bdew l-investigazzjonijiet. Proċess li issa wasal lejn tmiemu.
Fakkar ukoll li minn dawk kollha li ngħataw l-assistenza bejn l-2019 u s-sena l-oħra, tlieta minn kull erba’ persuni kien ħaqqhom li jieħdu tali benefiċċju u huma każi ġenwini. Kif dejjem ingħad, dawn huma ferm inqas minn dawk ikkwotati pubblikament.
Intqal li l-288 persuna, li nqabdu jieħdu l-assistenza b’mod frawdolenti, b’kollox iridu jirrifondu ftit aktar minn ħames miljun ewro, li minnhom diġà nġabru ftit aktar minn miljun ewro.
Il-Ministeru qal li l-każi kollha ta’ abbuż mill-benefiċċji soċjali, li nqabdu bejn l-2006 u l-2023, jgħoddu għal aktar minn 12,800 persuna. Bil-każi ta’ bejn l-2019 u s-sena l-oħra jgħoddu għal ftit aktar minn tnejn fil-mija minnhom.