Il-Gvern kien l-ewwel wieħed li mar għand l-Awditur Ġenerali jgħidlu jistħarreġ il-kuntratti li waslu għall-Public Private Partnership fis-settur tas-saħħa. PPP li mhux il-privatizazzjoni li ssemmi l-oppożizzjoni. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Peró fid-dadigħa biex tkun negattiva l-Oppożizzjoni Nazzjonalista spiċċat titlob dak li l-gvern diġa’ talab li jsir iktar minn sena ilu.
Il-PL spjega li meta dalgħodu ħames kelliema tal-Oppożizzjoni marru l-Parlament biex jgħidu li se jitolbu lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-ftehim fil-qasam tas-saħħa, f’avveniment imsemmi “L-Oppożizzjoni titlob investigazzjoni b’rabta mal-privatizzazzjoni ta’ sptarijiet pubbliċi lill-Vitals Global Healthcare Malta”, ma kienu qed jagħmlu u jgħidu xejn ġdid.
Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, li f’Diċembru tal-2016 talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare. Għax dan il-gvern m’għandu xejn minn xix jiddejjaq. La kellu dakinhar u lanqas illum.
L-istqarrija tgħid li l-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti li tgħid li l-kuntratt ta’ Vitals kellu partijiet neqsin. Il-verità hi li l-Awditur Ġenerali, li jgawdi r-rispett ta’ kulħadd biex jgħasses flus il-poplu, għandu aċċess għalih b’mod sħiħ u jista’ jinvestiga kemm irid u sa meta jrid.
Il-PL temm jgħid li b’hekk l-azzjoni tal-Oppożizzjoni dalgħodu hi biss pass ieħor fit-tattika maħsuba biex tgħoġob in-negattivi fil-PN.