Il-Ministeru għall-Ambjent qed jitlob lill-pubbliku jirrapporta kwalunkwe sit li qed ikun mhedded bl-ammont ta’ plastik mormi fih, li jista’ jkun detriment għalih. Dan wara diversi rapporti u filmati fuq il-midja soċjali li juru ammont sostanzjali ta’ plastik fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa.
Fi stqarrija, il-Ministru Josè Herrera qal li għandna bżonn naffaċċjaw ir-realtà u naddottaw strateġija ġdida waqt li nibdlu l-mentalità tagħhna. Fl-istess ħin, il-Gvern ħa azzjoni f’waqtha u b’koordinazzjoni mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, u l-NGO Not to Plastics, is-Sibt filgħodu tnaddaf il-plastik li nġema’ fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa.
Kien imfakkar kif din il-bajja hija kkunsidrata bħala sit sensittiv, kif ukoll sit ta’ Natura 2000. Dan ifisser li t-tindif li sar, sar bl-idejn u mhux b’xi makkinarju.
Il-pubbliku jintalab biex jirrapporta minnufih xi kwistjonijiet simili.