Il-Gvern se joffri l-appoġġ u l-protezzjoni lit-tliet membri li jpoġġu fuq it-Tribunal Industrijali u li spiċċaw b’kawża fuq rashom.
Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għad-Djaloġu Soċjali Andy Ellul wara li sar magħruf kif Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed ifittxu personalment lil dawn it-tliet membri, talli ma ddeċidewx kif riedu ż-żewġ avukati.
Il-kawża, li hija mressqa minn Jason Azzopardi u ffirmata minn Therese Commodini Cachia, hija dwar deċiżjoni li ħa t-Tribunal Industrijali xahrejn ilu, meta kienu ddeċiedew li l-grad tal-Learning Support Educator, mhux distint minn dak tal-għalliema għaliex ilkoll huma edukaturi u għalhekk saret iċ-ċaħda għat-talba tal-Union for Professional Educators, UPE.
Wara, iż-żewġ deputati tal-Blue Heroes kif ukoll esponenti ewlenin tal-għaqda Repubblika u li jħabbtu fuq sidirihom għas-saltna tad-dritt, fetħu kawża kontra l-membri tat-Tribunal b’mod personali għaliex ma qablux mad-deċiżjoni tat-Tribunal.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li hu ġie notifikat mit-tliet membri; Harold Walls li huwa Chairperson tat-Tribunal Industrijali, u Bryony Balzia Bartolo u Lawrence Mizzi li huma membri fl-istess Tribunal li talbu għall-protezzjoni u l-assistenza quddiem attentat li jwerwer l-istituzzjonijiet.
Bħala politiku responsabbli mit-Tribunal Industrijali, is-Segretarju Parlamentari qal li qatt ma seta’ jaċċetta li jkun hemm attakki personali fuq dawn il-membri. Huwa sejjaħ il-kawża li fetħu Azzopardi u Commodini Cachia bħala mossa inaċċettabli u attakk fuq l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.
Fakkar li ċ-Chairperson ta’ dan it-Tribunal Industrijali ilu ħamsa u għoxrin sena f’din il-kariga u kien jerġa’ jiġi kkonfermat bħala Chairperson minn żmien għal żmien.
Il-Gvern se jkun qiegħed jagħmel tajjeb għall-ispejjeż kollha involuti.
Dawn it-tliet persuni msemmija issa spiċċaw imfittxija personalment minn Azzopardi u Comodini Cachia għaliex ma ddeċidewx kif riedu ż-żewġ avukati.