Il-Gvern xtara 169 sodda ġdida li se jitqassmu fid-djar tal-anzjani li fihom hemm sodod tal-Gvern. Dan l-inestiment ta’ ftit anqas minn €270,000 se jkompli jfisser aktar kumdità għall-eluf ta’ anzjani li bħalissa qegħdin jgħixu f’dawn ir-residenzi.
Is-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis stqarr li “illum qed inħabbru investiment ta’ €700,000 t’investiment kapitali fil-homes tagħna. Aħna nemmnu li jekk Malta qed tgħix suċċess, l-anzjani, l-homes tagħna jridu wkoll jgħixu dak is-suċċess. Allura qed nagħmlu dan l-investiment, xtrajna 169 sodda b’investiment kapitali ta’ €256,000 li permezz tagħhom qed inbiddlu s-sodod antiki”.
Kompla jispjega li dawn is-sodod moderni u siguri se jieħdu post sodod mekkaniċi u domestiċi, li wħud kienu ilhom hemmhekk aktar minn 30 sena jintużaw mir-residenzi.
Agius Decelis sostna li “uħud mis-sodod li qegħdin inbiddlu kellhom tletin sena. Meta l-onorevoli freddie micallef fl-1987 fetaħ din id-dar kienu ġodda illum dawn huma sodod ta’ 30 sena. Illum qegħdin inbiddluhom sabiex nagħmlu dawn is-sodod elettroniċi sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jgħixu aktar komdi u ntejbu l-livell tal-għajxien tagħhom”.
Apparti li se jkunu qegħdin jaqdu aħjar il-bżonnijiet tal-anzjani b’dipendenza għolja, dan l-investiment se jiffaċilità wkoll ix-xogħol u l-istrapazz li għandhom dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani.
Dan l-investiment huwa parti minn katina ta’ aktar investimenti li jlaħħqu is-seba’ mitt elf ewro. Fost l-investimenti kollha li saru hemm sistemi elettroniċi ġodda b’investiment ta’ disgħin elf ewro fid-dar taż-Żejtun, servizz ta’ WIFI aktar effiċjenti fir-residenzi kollha, żdiedu s-sistemi tal-arju kkundizzjonata u nfetaħ ukoll ħanut tax-xahar ġdid fid-dar tal-anzjani tal-Imtarfa.